Saturday, December 21, 2024

Balzan iżommu t-tamiet ħajjin għal mal-ewwel sitta

Aqra wkoll

Balzan ………2

Sirens…………1

Balzan żammew ħajjin it-tamiet li jikkwalifikaw mal-ewwel sitta hekk kif irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-1.

B’din ir-rebħa issa Balzan telgħu erba’ punti wara Sirens li jinsabu fis-sitt post.

Kienu Sirens li fetħu taj­jeb u fis-seba’ minuta kellhom l-ewwel tentattiv lejn il-lasti b’xutt b’saħħtu ta’ Vieira minn tarf il-kaxxa li għadda barra.

Tliet minuti wara, xutt mill-ew­wel ta’ Djuric falla l-mira għal Balzan filwaqt li fit-23 minuta, free-kick ta’ Bogdan Gavrila għat-team ta’ San Pawl il-Baħar ġie salvat minn Vukasin Vranes.

Madankollu fit-28 minuta, Balzan fetħu l-iskor  meta Ljubomirac għadda ballun tajjeb lejn ALEKSA ANDREJIC li b’xutt djagonali mix-xellug għeleb lil Jurgen Debono.

Sirens għamlu reazzjoni u fl-34 minuta Gavrila ġiegħel lil Vranes isalva bi tbatija.

Iżda minuta wara, Balzan irduppjaw meta wara li rċieva ballun fil-kaxxa fuq il-lemin, Andrejic għadda lejn l-iżmarkat UROS LJUBOMIRAC li mill-viċin spara ġewwa.

Sirens ħarġu determinati fit-tieni taqsima li jerġgħu jidħlu fil-partita u, fit-52 minuta, huma resqu viċin b’daqqa ta’ ras ta’ Motta minn free-kick ta’ Gavrila mil-lemin iżda minuta wara, Balzan irrispondew b’corner ta’ Djuric li minnu, daqqa ta’ ras ta’ Andrejic ġiet imdawra f’corner.

Fit-58 minuta, Albanese għadda ballun mix-xellug lejn Vieira li kellu xutt minn tarf il-kaxxa mblukkat minn Vranes. Tmien minuti wara, l-istess player Brażiljan kellu rovexxjata minn pożizzjoni ċentrali li falliet il-mira bi ftit.

Fit-73 minuta, minn free­kick ta’ Mijic mil-lemin, is- sostitut Bojan Kaljevic kellu daqqa ta’ ras mill-viċin salvata mill-goalkeeper ta’ Sirens, Jonathan Debono.

Ħames minuti fuq il-ħin, Sirens naqqsu l-marġni tal-iskor b’xutt fil-baxx ta’ ALFRED EFFIONG  iżda ma kienx fadal ħin biex setgħu jsalvaw il-partita.

BALZAN: 83-Vukasin Vranes, 7-Milan Djuric (44-Adam Bradshaw 93), 8-Paul Fenech, 9-Alvin Kevin Daniels (86-Bojan Kaljevic 62), 15-Michael Johnson, 18-Uros Ljubomirac (20-Suleiman Jalu 93), 19-Milos Zlatkovic, 22-Gary Camilleri, 23-Milos Mijic, 77-Aleksa Andrejic (21-Neil Frendo 78), 88-Sean Cipriott – Coach: Paul Zammit

SIRENS: 1-Jonathan Debono, 5-Henrique Marcelino Motta, 7-Conor Borg (11-Alfred Effiong 74), 10-Bogdan Gavrila (31-Deg­ran Jackson 60), 14-Diego Albanese, 15-Adrian Borg, 21-Carlo Zammit Lonardelli, 22-Alexander Cini, 23-Francis William Avoce (9-Marios Lomis 38), 33-Vitor Vieira, 88-Renato Cardoso Porto Neto  – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Fyodor Zammit

ASS. REFEREES: Edward Spiteri, Duncan Sultana

RABA’ UFF: Etienne Mangion

SKORERS: A. Andrejic 28, U. Ljubomirac 35 (B); A. Effiong 95 (S)

AMMONITI: M. Johnson, M. Zlatkovic (B); D. Albanese, C. Zammit Lonardelli (S)

Ekonomija

Sport