Minn Cristian Muscat
Balzan…………………3
Santa Lucia…………..1
Balzan ikkonvinċew bis-sħiħ u għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-1.
Kienu Balzan li ħarġu fuq l-offensiva u fil 11-il minuta Alex Satariano għadda tajjeb lejn Bojan Kaljevic iżda pront kien il-goalkeeper tal-Luċjani Matthew Calleja Cremona li interċetta kull periklu. Is-Saints wieġbu erba’ minuti wara u fetħu l-iskor meta l-ewwel xutt b’saħħtu ta’ Robert Hehedosh stampa mal-wieqfa biex mir-rebound, FRANCISCO FARIAS RODRIGUES, permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa.
Iżda Balzan ma rmewx ix-xugaman, anzi wettqu reazzjoni mmedjata u fl-20 minuta ġabu l-iskor indaqs meta Alex Satariano serva fuq il-lemin lil BOJAN KALJEVIC li b’xutt angulat mill-isbaħ tefa’ l-ballun wara Calleja Cremona.
Santa Lucia rrispondew fit-38 minuta meta cross-shot perikoluż ta’ Jan Tanti intemm ftit barra. Dan sabiex żewġ minuti biss wara, Bojan Kaljevic dejjem għal Balzan approfitta minn żball fid-difiża tat-tim immxi mill-coach Taljan Vincenzo Potenza, għadda tajjeb lejn ANGEL TORRES li minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.
Balazn komplew jattakkaw u fid-59 minuta Bojan Keljevic approfitta minn indeċiżjoni ta’ Diego Pacheco li avvanza tajjeb iżda ra lil Calleja Cremona jsalva tajjeb. Fl-64 minuta Jan Tanti avvanza tajjeb mal-linja, bil-cross tiegħu jiġi mtajjar mill-goalkeeper ta’ Balzan Rudy Briffa biex mir-rebound ix-xutt ta’ Hehedosh ġie mdawwar f’corner mill-istess goalkeeper ta’ Balzan.
Erba’ minuti wara Balzan issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta Alex Satariano serva fuq platt tal-fidda lil ANGEL TORRES li b’xutt fil-baxx għeleb lil Calleja Cremona. Balzan komplew jippressaw u fil-75 minuta xutt fil-baxx ta’ Aleksa Andrejic ġie salvat tajjeb minn Calleja Cremona, biex tliet minuti wara xutt mil-viċin ta’ Alex Satariano ħabat mal-wieqfa. Dan sabiex fil-ħin miżjud, xutt mill-viċin ta’ Jan Tanti għal Santa Lucia għadda għoli.
Balzan: 1-Rudy Briffa, 4-Diver Duvan Torres, 5-Samir Arab (14-Zak Grech 86), 6-Marcus Grima, 8-Paul Fenech (9-Luca Mallia 86), 10-Angel Torres (20-Suleiman Jalu 87), 21-Alex Satariano, 24-Nikola Braunovic, 27-Momcilo Raso, 77-Aleksa Andrejic (44-Adam Bradshaw 85), 86-Bojan Kaljevic (7-Bogdan Mladenovic 68) Coach: Oliver Spiteri
Santa Lucia: 1-Matthew Calleja Cremona, 3-Lorenzo Fonseca Soares, 22-Jamie Zerafa (21-Jamie Carbone 58), 6-Nicholas Pulis, 8-Robert Bairam (2-Matthias Vella 78), 9-Robert Hehedosh, 11-Jan Tanti, 13-Diego Pacheco Francarolli (7-Liam McKay 61) , 17-Jurgen Pisani, 20-Francisco Farias Rodrigues, 27-Miguel Angel Alba (10-Liam Ayad 78) Coach: Vincenzo Potenza
Referee: Darryl Agius
Ass. Referees: Duncan Sultana, Thomas Debono
Raba’ Uffiċjal: Emanuel Grech
Skorers: B. Kaljevic 20, A. Torres 41, 68 (B), F. Farias Rodrigues 14 (SL)
Ammoniti: N. Braunovic, B. Kaljevic (B), L. Fonseca Soares, D. Pacheco Francarolli (SL)
Player tal-Logħba: Angel Torres (B)