Wednesday, March 27, 2024

Birkirkara jibdew is-sena kalendarja bil-kbir

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Birkirkara…….……..5

Zebbug Rangers…..0

Birkirkara bdew is-sena kalendarja 2023 bil-kbir hekk kif xejn ma tħabtu biex għelbu lil Zebbug Rangers bl-iskor kbir ta’ 5-0, fejn huma kienu diġá serrħu rashom mit-tliet punti sa tmiem l-ewwel taqsima hekk kif kienu erba’ goals minn fuq.

Huma kellhom lill-coach Taljan Giovanni Tedesco jiskonta l-ewwel logħba sospensjoni minn tnejn u segwa l-partita mill-VIP stand. Minfloku, mexxa lit-team minn fuq il-bank, l-assistent tiegħu, Brian Chetcuti.

L-Istripes fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fit-18-il minuta meta Enzo Daniel Cabrera serva fuq platt tal-fidda lil ALEX DA PAIXAO ALVES li mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta, hekk kif il-goalkeeper ta’ Zebbug, Jamie Azzopardi, kien barra minn postu fit-tentattiv li jinterċetta l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.

Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Istripes u fil-21 minuta rebħu penalty meta Gaetano Joseph Gesualdi waqqa’ lil Enzo Daniel Cabrera fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-istess ENZO DANIEL CABRERA li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naga u lil Jamie Azzoaprdi nnaha opposta.

U jidher li l-Karkariżi ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif tliet minuti biss wara skorjaw it-tielet goal meta ENZO DANIEL CABRERA avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ gewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali fi spazju ta’ tliet minuti.

Fit-28 minuta kompliet ix-xalata ta’ goals minn Birkikrara, hekk kif għamluhom erbgħa permezz ta’ xutt angulat fil-baxx minn ġol-kaxxa tal-captain CAIN ATTARD, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.

Il-kumplament ta’ din it-taqsima kien ikkaratterizzat minn ħafna logħob f’nofs il-ground, b’Birkirkara jkomplu jiddettaw il-logħob.

Il-ftuħ tat-tieni taqsima wkoll kien wieħed nieqes minn kull emozzjoni.

Dan sas-70 minuta, meta l-Istripes issiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal, meta Alex Da Paixo Alves għadda tajjeb lejn PAUL MBONG li kellu x-xutt bid-dawra tiegħu minn ġol-kaxxa jegħleb għal kollox lil Jamie Azzopardi.

Birkirkara: 95-Giacomo Nava, 2-Osvaldo Iorio (25-Neil Micallef 46), 5-Enrico Pepe (15-Matteo Gambin 63), 7-Alex Da Paixao Alves (92-Kevin Tulimieri 73), 8-Yannick Yankam, 10-Paul Mbong (23-Jean Paul Farrugia 73), 11-Kurt Zammit, 22-Cain Attard, 30-Enzo Daniel Cabrera (77-Denis Custodio Ribeiro 73), 42-Simon Zibo, 72-Alessandro Coppola Coach: Brian Chetcuti 

Zebbug R.: 1-Jamie Azzoaprdi, 2-Henrique Motta Marcelino, 3-Shaun Bugeja (6-Wilker Rocha Santos 70), 4-Leandro Almeida Da Silva, 11-Charles Lokoli Ngoy, 15-Roberto Enrique Sanchez, 16-Randall Vella (5-Travis Bartolo 41), 17-Jeferson Macedo (20-Jordan Sciberras 70), 18-Almir De Jesus Soto Maldonado (8-Ayrton Mizzi 41), 21-Stanimir Miloskovic (10-Stefan Jankovic 41), 22-Gaetano Joseph Gesualdi Coach: Brian Spiteri

Referee: Matthew De Gabriele

Ass. Referees: Jurgen Spiteri, Vasil Vasilev

Raba’ Uffiċjal: Etienne Mangion

Skorers: A. Da Piaxao Alves 18, E. D. Cabrera 21, 24, C. Attard 28, P. Mbong 70 (B)

Ammoniti: L. Almeida Da Silva, H. Marcelino Motta (Z)

Player tal-Logħba: Alex Da Paixao Alves (B)

Ekonomija

Sport