Mhux se ssib xinxilli mal-bambin. Mhux se ssib dwal ipeptu. Lanqas se ssib xi bambin li trid seba’ għajnejn biex tħares lejh. Issib bambin sempliċi. Issibu f’kamra mdaqqsa mimlija kotba. Bi ftit ġulbiena quddiemu. Kamra li fiha se ssib lil Patri Dijonisju Mintoff, fil-Laboratorju tal-Paċi. Il-post li fik tispikka is-serenità. Tara is-solidarjetà fl-aqwa tagħha, għax f’dan il-post jgħixu grupp ta’ persuni fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna – l-immigranti. Post li fih tara dawn l-immigranti, Musulmani u Kattoliiċi jgħixu flimkien. Post li fih tara verament is-solidarjetà titwettaq bil-prattika. Mhux ta’ b’xejn li l-mibki Papa Franġisku ma riedx jitlaq minn dan il-post meta ġie jżuru.
Is-sena li deħlin fiha hi s-sena li taħbat il-55 Anniversarju mindu twaqqaf il-Laboratorju tal-Paċi. Kien fil-25 ta’ Marzu 1971, meta Patri Mintoff ingħata wieħed mill-hangars tal-Air Force Ingliżi biex jagħmlu Ċentru ta’ Ħidma Pastorali favur il-Paċi u semmieh għall-Papa Ġwanni XXIII.
Aktar tard fil-post inbena kumpless ġdid li beda jissejjaħ Laboratorju tal-Paċi.

