Sunday, December 22, 2024

Bandli ġdid fl-Imdina b’investiment ta’ €1.2 miljun

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €1.2 miljun mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-jiem li ġejjin se jibdew ix-xogħlijiet fuq il-bandli ta’ quddiem l-Imdina.

Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza stampa li indirizza dalgħodu bit-tema “Malta li rridu għal uliedna.”

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg spjega li b’dan il-proġett, il-familji se jkollhom iżjed spazju miftuħ għalihom fejn jistgħu iqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. 

Ritratt: Roger Azzopardi

Sadanittant, huwa għamel referenza wkoll għal diversi proġetti oħra li entitajiet differenti qed jaħdmu fuqhom, fosthom dak tal-Għeriexem u l-Malta National Park f’Ta’ Qali. 

Ma naqasx milli jsemmi wkoll il-Budget 2022 se jkompli jsaħħaħ is-setturi tat-trasport u l-infrastruttura bid-diversi miżuri li ġew ippreżentanti. Fost dawn hemm il-miżura tat-trasport b’xejn għal kulħadd, li se tiżgura li jkollna arja aktar nadifa u trasport iżjed sostenibbli.

Huwa qal li “se tkun qiegħda tiżdied l-għotja finanzjarja bħala inċentiv biex aktar nies jixtru vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Se nkomplu wkoll ninċentivaw lil min jixtri muturi, scooters u anke roti.”

Il-Ministru Borg qal ukoll li hemm allokati fondi għal iżjed investiment fl-infrastruttura, kemm dik marittima kif ukoll għall-konnettività bejn il-gżejjer. 

Ritratt: Roger Azzopardi

Dwar it-trasport tal-massa, il-Ministru Borg qal illi dan il-Gvern se jkompli jisma’ x’għandhom xi jgħidu n-nies, u “qegħdin infittxu fondi Ewropej biex ngħaddu għall-fażijiet ta’ studji li jmiss fuq dan il-proġett propost.”

“Apparti minn hekk, se nkomplu nimmodernizzaw it-toroq tagħna u infrastruttura kritika oħra bħall-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija. Hemm ukoll il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport, l-underpass tal-Imrieħel fost ħafna proġetti infrastrutturali oħra,” tenna l-Ministru Ian Borg.

Ekonomija

Sport