Saturday, April 27, 2024

“Bands qed jibbenefikaw mill-bandisti tagħna … dawn ma ħarġux ċenteżmu għat-tagħlim”

Jirrankaw il-festi u l-baned jilmentaw li qed jiffaċċjaw problemi

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-festi f’pajjiżna irrankaw sew. Minkejja li waqt il-pandemija, il-baned ta’ pajjiżna b’sagrifiċċji mhux żgħar raw li jżommu l-attività tagħhom għaddejja fosthom it-tagħlim tal-mużika, issa qed jirriżulta b’mod mill-aktar ċar li l-baned f’pajjiżna qed jiffaċċjaw sfidi mhux żgħar. L-isfidi tant huma kbar li għandna festi fejn spiċċaw bil-baned iħassru is-servizz waqt li oħrajn qed inaqqsu is-servizzi u dan għax ma jifilħux għall-isfidi li għandhom quddiemhom. Jidher li l-akbar sfida li qed jiffaċċjaw il-baned huma l-prezzijiet mitlubin minn bandisti barranin. Prezzijiet li f’xi każi qegħdin ivarjaw bejn €70 u €120 għal marċ ta’ tlett sigħat. Delegat li tkellem ma’ talk.mt qalilna li “qed insibu li l-bandisti għal xi raġuni naqsu. Jista’ jkun għax illum hawn ħafna bands li qed idoqqu f’tiġijiet u okkażjonijiet oħra u hemm min qed jippreferi idoqq magħhom għax iħallsu ferm aktar minn banda. Jekk imbagħad tispiċċa ma tgħaqqadx il-banda, tħassar is-servizz ikollok, kif fil-fatt ġara. Għandek baned li jifilħu jdoqqu bin-nies tagħhom biss, dawk li aħna ngħidulhom tal-post, imma mhux kulħadd jista’ jagħmilha”.

Imsejħin tard għal servizz … il-fenomenu tal- bands li tagħhom tieħu l-fondi

Talk.mt tkellmet ma’ diversi sorsi qrib il-baned Maltin fosthom delegati, dwar il-problemi li ffaċċjaw fl-aħħar ġimgħat mindu reġgħu bdew il-festi. Fi kliemhom stess, “l-akbar problemi li qed insibu hi li jidher li hawn inqas bandisti lesti jdoqqu mal-baned. Hawn min qed jitlob ħlasijiet qawwijin. Kif nista’ nħallas €100 jew €120 ta’ marċ ta’ tlett sigħat? Jiddispjaċini ngħid imma li hawn min qed jagħżel li jħallashom. Hi problema li l-baned mhux kollha qed jiġbdu l-istess ħabel. Hemm min qed jaqdef għal rasu. L-aqwa li inqeda hu. Din l-attitudni se twassal biex tkompli toħloq aktar problemi f’dan il-qasam.  Żgur li l-baned ma jistgħux jibqgħu jaħsbu u joperaw kif kienu qabel il-pandemija”.

Delegat ieħor qalilna li “milli qed nesperjenzaw l-aktar li qed naraw problema hi dik li jidher li  hawn ħafna bandisti li għal xi raġuni waqfu idoqqu mal-baned. Problema oħra hi dik li hawn bandisti li qed jiġu imsejħin tard għas-servizzi u għalhekk jitolbu prezz naqra agħli. Jiddispjaċibni ngħid ukoll li hawn problema oħra u din hi dik ta delegati tal-banda li mhux qegħdin jagħmlu xogħlhom sew. Qegħdin iħallu għall-aħħar biex jgħaqqdu l-banda u jsejħu l-bandisti. Hawn problema ukoll minħabba li hawn soċjetajiet li qegħdin jieħdu l-fondi u minflok idaħħlu banda tradizzjonali qegħdin iqabbdu ċertu bands minħabba li jekk jagħmlu hekk ikunu eleġibbli u  jieħdu fondi. Din qed tkisser dan il-qasam. Ir-riżultat diġa qed naraw. Tħassru diversi marċijiet. Kellna baned li kellhom servizzi u kkanċellawhom. Hawn min spiċċa jnaqqas il-festa”. 

Is-soluzzjoni? … mhix faċli jekk ma jinġibidx l-istess ħabel

Mistoqsijin dwar x’soluzzjoni qegħdin jaraw, delegat qalilna li “fl-ambjent ta’ bħalissa, qed nara li s-soluzzjoni hi diffiċli. Ma tistax tħalli settur bħal dan, bla regoli ċari. Mhux jinġibed l-istess ħabel, allura għandna sitwazzjoni ta’ min hu l-aqwa iħawwel. Jekk għandek il-flus tista’ tiskappriċċa, jekk le tħassar is-servizz jew ma ddoqqx. Din hi xi ħaġa li tqajmet u kien hemm diskussjoni dwarha fil-Laqgħa Ġenerali tal-Għaqda Każini tal-Banda. Saru diversi proposti. Nemmen imma li qabel wieħed jimplimenta dawk il-proposti, wieħed għandu jara li d-delegati ikunu uniti. Fil-laqgħa ġenerali issemma li għandha nagħtu iżjed importanza lid-datebase tal-bandisti.  Issemma’ li l-baned m’għandhomx ikunu iffurmati minn aktar minn 45 bandist. Fir-realtà issa  li bdew il-festi kemm qed tkun segwita din? Morru fil-festi u għoddu l-bandisti fil-banda u taraw.”

L-inqas ħlas għal banda hu ta’ €1,200

L-istess delegat qalilna li “llum hemm qbil bejn il-baned li l-prezz ta’ banda meta tkun mistiedna biex iddoqq ma jistax ikun inqas minn €1,200. Hemm baned li qegħdin jitolbu ħafna aktar minn hekk. Issa b’bandisti jitolbuk €100 jew aktar għal marċ, kemm se tkun vijabbli li l-banda tibqa’ tmur iddoqq?  Tispiċċa toħroġ balla flus.”

Bands qed jibbenefikaw mill-bandisti tagħna … meta dawn ma ħarġux ċenteżmu għat-tagħlim 

Delegat li tkellem magħna qalilna li “dejjem qed jikber il-fenomenu tal-bands. Twaqqfu ħafna minnhom fl-aħħar snin u jidher li se jkomplu jiffurmaw.  Dawn il-bands li jkollhom ftit bandisti, qed jibbenefikaw mill-bandisti tal-baned, liema baned ikunu investew ħafna fihom f’dak li hu tagħlim. X’qed jiġri għandna bandisti li ma jmorrux mal-banda tagħhom biex jispiċċaw idoqqu ma’ dawn il-bands f’tiġijiet u okkażjonijiet oħra. Jidher li l-bandisti qed jitħallsu tajjeb mal-bands u qed jippreferu jmorru jdoqqu magħhom. Biex tkompli tiggrava is-sitwazzjoni, għandna festi li qed iqabbdu lil dawn il-bands idoqqu u dan għax meta jagħmlu hekk jistgħu japplikaw għal fondi. Spiċċajna f’sitwazzjoni fejn festa partikolari m’għamlitx il-programm tal-festa u minflok qabdet band biex tagħmlu hi.  Meta nara hekk ngħid mhux missejna l-qiegħ, imma inżilna se inħaffru taħt l-istess qiegħ”.

Lejn bidla fil-mentalità

Delegat li tkellem ma’ talk.mt qalilna li “ninsabu fl-istaġun tal-festi u nemmen li rridu nħallu l-festi jgħaddu biex nanalizzaw sew xi jkun ġara u naħdmu minn hemm. Biex nimxu jrid ikun hemm rieda. Ma nagħtix tort lil bandisti li jgħollu l-prezz. L-esperjenza qed turina li kollox qed jogħla. Nemmen li din hi opportunità għall-baned. Li jaraw li tinbidel il-mentaità. Ma jibqgħux jaħsbu kif kienu jaħsbu sa mill-bidu tagħhom. Dejjem l-istess sistema. Tgħallem student u qisek tgħallmu biex idoqq fit-triq biss. Irridu nippruvaw u nmorru oltre minn hekk. X’eċċitament hemm illum li ddoqq fit-triq? Marċi twal. Sħana. Servizz ta’ tlett sigħat ifisser ifisser 4 sigħat u nofs ħin għax trid taħseb qabel biex tmur.  Nemmen li l-baned m’għandhomx jillimitaw ruħhom biss li jgħallmu studenti biex idoqqu fit-triq biss. Il-bands qed juruna li hemm opportunitajiet oħra, li nistgħu nisfruttawhom. Ejja nibdew naħsbu biex banda tibda anke tikkunsidra li ddoqq bin-nies tagħha biss, kif hawn min diġa qed jagħme. Din il-bidla fil-mentalità tista’ ssir anke bl-għajnuna tal-kunsilli lokali”.

X’apprezzament hawn lejn il-baned … li jgħallmuk il-mużika u ma tħallasx ċenteżmu

“Jien jiddispjaċini li nħoss u dan mhux sentiment tiegħi biss li l-baned mhux apprezzati biżżejjed. Dan hu l-uniku qasam f’dan il-pajjiż fejn tmur titgħallem, titħarreġ, tuża l-post u  ma tħallasx ċenteżmu. Jien għandi tfal, u naf x’jiġifieri tibgħathom għal attivitajiet extra kurrikulari bħal sports jew attivitajiet oħra. Hemm ħlasijiet abbinati u f’xi każi mhumiex ħlasijiet baxxi. Ejja napprezzaw it-tagħlim li l-każini joffru, tagħlim li lill-istess każini jiġihom il-flus għax l-għalliema huma mħallsin”, jisħaq wieħed mid-delegati. 

Sport