Id-dwejjaq tas-sidien tal-garaxxijiet privati li jsibu ruħhom magħluqa minn karozzi li jipparkjaw quddiem il-garaxxijiet tagħhom ingħataw prominenza dan l-aħħar. L-ilmenti tagħhom huma ġustifikati. Mhux sew li tispiċċa mblukkat fil-garaxx tiegħek.
Bl-istess mod, lanqas is-sidien ta’ garaxxijiet privati m’għandhom jabbużaw għad-detriment ta’ min jimxi minn fuq bankini fejn jiżbokkaw il-garaxxijiet. Inkredibbli l-mod kif il-bankini qed jiġu mxaqilba, mdawra, żlugati, mħaffra biex karozza toħroġ faċilment mill-garaġġ tagħha għal-ġot-triq minn fuq il-bankina. Il-mixi fuq ċerti bankini sar sforz ta’ tlugħ u inżul problematiku mhux biss għall-anzjani kif jippretendu xi wħud, imma wkoll għal ommijiet bil-pushchair, u anke persuni “normali”. Biex ma nsemmux uħud mis-sidien ta’ garaxxijiet privati li jipparkjaw il-karozza ħierġa fejn tagħlaq il-bankina.
F’pajjiż fejn kulħadd jirrabja għall-abbużi ta’ ħaddieħor, waqt li jwettaq tiegħu, il-ħarsien tad-“drittijiet” ta min jimxi, mhux isuq, m’għandux jiġi injorat lanqas.
KONTRA L-COVID
Igħid xi jgħid is-segretarju inkarigat mis-saħħa fl-Istati Uniti Robert F Kennedy, hi ħaġa ta’ tħassib kbir li r-rati ta’ vaċċinazzjoni għal kontra l-Covid u l-influwenza qed jonqsu minn sena għal sena. L-awtoritajiet Maltin tas-saħħa qed jagħmlu tajjeb li jimbuttaw biex in-nies tmur tieħu t-titqib meħtieġ. L-impenn ta’ meta faqqgħet il-pandemija tal-Covid malajr intesa. Wisq qed jibqgħu lura.
F’pajjiż bħal tagħna li jilqa’ daqstant viżitaturi minn barra, hu kruċjali li ċ-ċittadini jifhmu kemm hu importanti li jieħdu l-prekawzjonijiet xjentifikament magħrufa kontra l-mewġiet ta’ mard epidemiku li jista’ jinġab fostna… barra milli jixxettlu fostna stess.
IL-ĠUDIZZJU TAL-FMI
Fl-istqarrija li l-istaff tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF-FMI) ħareġ meta temm iż-żjara tiegħu f’Malta ta’ dax-xahar, ġiet preżentata stampa favorevoli tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż. Intwera kif ir-rankatura fit-tkabbir ekonomiku tal-aħħar snin, għalkemm bilfors trid tbatti, għandha ċansijiet kbir li titkompla fis-setturi fejn eċċellat. bħat-turiżmu u s-servizzi finanzjarji.
Tal-IMF ma kienu qed jgħidu xejn ġdid. Biss li anke huma jaqblu ma’ ċerti konklużjonijiet li ekonomisti oħra (mhux biss tal-gvern Malti) kienu waslu għalihom hu sinjal inkoraġġanti għall-mexxejja tal-ekonomija Maltija.
Fl-istess ħin iżda, ikun żball jekk ċerti indikazzjonijiet mogħtija fir-rapport tal-istaff tal-IMF jiġu injorati. Fuq quddiem nett, il-kritika diplomatika li tinsab fir-rapport dwar kif qed jintuża l-ispazju fiskali li nħoloq mit-titjib ekonomiku. Bi spazju fiskali, nifhmu r-riżorsi li gvern ikun jista’ juża bla ma jitqagħbar finanzjarjament. Malta kellha u qed ikollha sew minnu fl-aħħar snin. Tal-IMF ma jidhrux sodisfatti li qed jintuża b’biżżejjed għaqal f’perspettiva tat-tul, speċjalment f’kif qed jiġi indirizzat l-investiment li qed isir. X’aktarx li għandhom punt.

