Saturday, October 5, 2024

BANKINI PERIKOLUŻI GĦALL-ANZJANI

Aqra wkoll

Qrajt xi mkien dan l-aħħar fuq ilment ta’ anzjani dwar bankini miksija b’madum żgħar taż-żonqor iswed u f’ċerti inħawi mhux illivellati. Qed ikunu sors ta’ periklu għax min jiżloq hu u miexi, qed jissogra ksur jew agħar. Fil-fatt jidher li dan ġara.

Nifhem l-ilment. Ili nisimgħu. Ommi Alla jaħfrilha, kienet tagħmlu snin ilu. Il-madum iswed li ddaħħal biex jagħmel ċerti inħawi jidhru aktar tradizzjonali (għalkemm f’Malta madum bħal dan qatt ma kien jintuża) joħloq problemi għal min jimxi fuqu ta’ aċċidenti. Kellha raġun.

Apparti mill-madum iswed, il-problema qed tkun ukoll li ħafna bankini mhumiex jinżammu fi stat tajjeb. Sirt tara wisq nies – saħansitra ommijiet jimbottaw pushchair – jippreferu anke f’toroq dojoq jgħaddu mal-ġenb ta’ karozzi pparkjati f’nofs triq. Minn fuq il-bankini mhux possibbli li jimxu u jmexxu bil-galbu.

It-titjib tat-toroq sar wisq determinat minn xinhu tajjeb għall-karozzi u s-sewwieqa u ftit li xejn mill-ħteġiet ta’ dawk li jimxu matulhom.

ĦASIL TAD-DNUBIET POLITIĊI

Id-dibattitu li qam dan l-aħħar, misjuq mill-Prim Ministru nnifsu, dwar kif wara li persuna fil-politika tkun wettqet żball jew għamlet “dnub”, tista’ terġa tiġi rijabilitata, hu wieħed importanti ħafna. It-tmexxija tal-affarijiet umani mhijiex soġġetti għal regoli matematiċi li jibqgħu japplikaw kullimkien u għal kulħadd l-istess.

Iċ-ċirkostanzi personali jew nazzjonali – l-importanza ta’ inċident – il-grad ta’ impenn personali f’li jkun sar … u fatturi oħrajn iwasslu biex kull każ irid jiġi valutat b’mod suġġettiv li madankollu jrid jidher raġonevoli għall-bqija tal-poplu.

Għalija hi ħaġa ċara li żball politiku jew kwalunkwe żball ieħor li jkun sar irid iġib miegħu konsegwenza. Din tista’ tittaffa jew titneħħa, skond kriterji li jinftehmu, ikunu trasparenti, jinħassu ġusti u proporzjonati, mingħajr bl-ebda mod ma dan jindika li l-iżball innifsu jista’ jkun aċċettabbli b’xi mod.

ISMIJIET MINSIJA

L-isforzi li qed isiru biex jitfakkru nies li fl-imgħoddi taw kontroibut lis-soċjetà Maltija huma ta’ min ifaħħarhom. Ħafna affarijiet qed juru li s-sens ta’ identità Maltija qed jiddgħajjef. Il-globablizzazzjoni u l-mezzi moderni ta’ kumnikazzjoni jħeġġu dan l-iżvilupp sakemm ma jservux biex iqanqlu ħġejjeġ populisti ankrati fir-razziżmu. F’Malta, is-sens ta’ identità nazzjonali jiddgħajjef minħabba l-kura traskurata li qed nieħdu tal-ilsien Malti u minħabba l-fatt li drajna wisq matul is-sekli nimitaw drawwiet ġejjin minnbarra.

Li nfakkru u niftakru l-aġir ta’ Maltin u Għawdxin li fl-imgħoddi kienu impenjati fil-ħidma tal-komunitajiet tagħna, u taw kontribut siewi, jista’ jkun mod validu kif inżommu lura l-mument meta l-identità Maltija tispiċċa maħlula għal kollox.

Sport