Saturday, December 21, 2024

Baqa’ b’saħħtu l-bejgħ f’Għawdex minkejja t-tneħħija tal-inċentivi fuq xiri ta’ appartamenti

Aqra wkoll

L-iskema preferenzjali fuq boll li jitħallas fuq propjeta mixtrija f’Għawdex intemmet fi tmiem Jannar wara li kienet ilha miftuħa minn Jannar 2017. Din f’deċiżjoni strateġika maħsuba biex ma tibqax tinċentiva l-bini ta’ appartamenti ġodda u minflok żdiedu u saħħu l-inċentivi għal min jixtri proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana u jirrestawraha.

Figuri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindikaw li filwaqt li kien hemm tnaqqis żgħir fl-ammont ta’ konvenji rreġistrati fi Frar kumparat ma’ snin preċedenti, xorta l-attivita baqgħet f’livell tajjeb u ferm aqwa minn dik ta’ qabel bdiet l-iskema.

Fi Frar li għadda kienu ffirmati 107 konvenju għal propjeta f’Għawdex. Dan kien ifisser tnaqqis ta’ 15-il konvenju biss meta kkumparat ma’ Frar tas-sena li għaddiet meta l-iskema ta’ boll imnaqqas kienet għadha fis-seħħ. Bħala medja fix-xhur ta’ Frar kemm damet l-iskema l-medja ta’ konvenji ffirmati kienet ta’ 126 konvenju.

Il-Gvern qed jiddirezjona wkoll l-inċentivi tiegħu għal fuq proprjetà tradizzjonali fejn hemm l-għotjiet huma b’saħħithom immens. Xi ħadd li jixtri proprjeta f’UCA ma jħallasx taxxa u jieħu l-VAT lura fuq valur sa €750,000. Jekk wieħed ikun first time buyer jieħu għotja ta’ €40,000 meta f’Malta jieħu għotja ta’ €15,000. Dan apparti l-inċentivi l-oħra għal first time buyers kollha.

Qabel ma telqet l-iskema fi Frar 2016 l-ammont ta’ konvenji ffirmati kien ta’ 75 biss, jew 32 anqas minn dawk iffirmati din is-sena. Li jfisser li l-ammont ta’ konvenji li saru issa huma madwar 30% aktar minn dawk li kienu jsiru eżatt qabel bdiet l-iskema. Barra minn hekk fi Frar 2012, qabel il-bidla fl-amministrazzjoni, l-ammont ta’ konvenji f’Għawdex kien ta’ 32 biss, jew 70% anqas mill-ammont osservat din is-sena.

Bħala proporzjon tal-konvenji kollha li saru fi Frar li għaddiet, dawk fuq propjeta f’Għawdex kienu 9% tat-total. B’kuntrast qabel bdiet l-iskema, dan il-proporzjon kien ta’ 5% biss.

Intant waqt li konvenji ġodda fuq propjeta f’Għawdex issa għandhom rata ta’ boll ta’ 5% bħal fil-bqija tal-pajjiż, kuntratti ta’ bejgħ li jirriflettu konvenji ffirmati qabel tmiem Jannar li għadda jibqgħu jħallsu l-boll preferenzjali. Qabel intemmet l-iskema kien hemm aċċelerazzjoni notevoli fl-ammont ta’ konvenji, tant li f’Diċembru u f’Jannar saru 364 konvenju, jew madwar 30% aktar mill-medja osservata kemm damet l-iskema miftuħa. Għaldaqstant mistenni li fix-xhur li ġejjin ser jibqa jkun hemm ammont sostanzjali ta’ kuntratti ta’ bejgħ fuq propjeta f’Għawdex li jiġu finalizati.

Filfatt fi Frar kienu ffinalizati 137 kuntratt ta’ bejgħ, l-istess ammont li kien osservat is-sena li għaddiet. B’hekk propjetajiet Għawdxin kienu jikkostitwixxu 14% tal-bejgħ, mentri qabel bdiet l-iskema l-proporzjon kien ta’ madwar 8%.

Is-suq f’Għawdex kien diġà beda jimmodera fl-2023, tant li l-ammont ta’ appartamenti li nxtraw kien laħaq 553, kontra 747 is-sena ta’ qabel. L-ammont ta’ appartamenti mibjugħa fl-2023 kien l-anqas osservat mill-2018’l hawn.

Bit-tneħħija tar-rata preferenzjali tal-boll fuq propjeta mixtrija f’Għawdex huwa mistenni li din it-tendenza tkompli tissaħħaħ.

Ekonomija

Sport