Saturday, December 14, 2024

Baqa’ lampuki x’jinqabdu?

Aqra wkoll

Hawn dilettanti li minn nhar Santa Marija, tliet ijiem ilu, setgħu bdew joħorġu għal-lampuki, li huma nkwetati li għad jasal żmien li ma jitħallewx igawdu d-delizzju tagħhom. Fosthom hemm min kull ilma jaħsbu misħun u kif tilfu d-delizzju tal-għasafar jibżgħu li se jitilfu d-delizzju tal-ħut.

Għandhom għalfejn jinkwetaw? Is-600 dilettant li għandna se jkunu jistgħu jaqbdu sa 10 kilogrammi ta’ lampuki kull wieħed kuljum Skont id-Dipartiment tas-Sajd daqshekk kienu jaqbdu s’issa bejn wieħed u ieħor u allura mhu se jitilfu xejn. L-Unjoni Ewropea riedet li jitħallew jaqbdu lampuka waħda biss kuljum. Iżda l-gvern Malti u dak Taljan irnexxielhom jinnegozjaw li l-qabda titla’.

Sajd ta’ sekli twal

Is-sajda tal-lampuki ilha ssir fil-Mediterran sekli twal. Nafu żgur li anki 1800 sena ilu diġa’ kienu jużaw il-kannizzati li l-lampuki kienu jinġabru taħthom u jmorru jaqbduhom. F’lista dwar kontroll tal-prezzijiet f’pajjiżna 280 sena ilu tissemma’ l-lampuka u b’kemm għandha tinbiegħ.

Tliet kwarti tal-ħut fil-Mediterran mhedded li jinqered minħabba sajd eżaġerat u llegali. Fil-Mediterran hawn 80,000 dgħajsa tas-sajd li jgħixu minnhom 180,000 ruħ f’industrija li ddaħħal €4.6 biljun fis-sena. Fl-interess ta’ dak li jgħixu mis-sajd u anki tad-dilettanti li ma jinqeridx il-ħut li jridu jaqbdu.

Pass storiku f’Malta

Mhux faċli tieħu passi biex il-ħut ma jkomplix jinqered għax waqt li tmiss l-għixien ta’ tant sajjieda trid tara kif se jaħdmu flimkien il-pajjiżi Ewropej u Għarab li jmissu mal-Mediterran. Seba’ snin ilu meta pajjiżna kellu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea sar pass storiku meta l-pajjiżi tal-Mediterran qablu li jaħdmu flimkien biex isalvaw is-sajd fil-Mediterran billi jieħdu ħsieb li jnaqqsu s-sajd esaġerat biex jagħtu ċans lill-ħut jerġa’ jikber u jiżdied.

Imħarsa minn qabel

Huwa stmat li kull staġun ikun hawn 10 miljun lampuka x’jinqabdu. Jinqabdu xi 40% minnhom u għalhekk is-sajd għaliha mhux meqjus esaġerat u bħala ħuta mhix fil-periklu li tispiċċa. Qed tiġi mħarsa minn qabel. Illum qed jinqabdu lampuki 10 darbiet daqskemm kienu jinqabdu madwar 70 sena ilu. Fl-1950 kienu jinqabdu 10,000 tunnellata ta’ lampuki. Fis-sena 2019 inqabdu 100,000 tunnellata. Fl-1984 il-Maltin kienu jaqbdu 520 tunnellata lampuki. Illum qed jaqbdu 350 tunnellata.

Is-sajjieda tagħna jaqbdu l-lampuka meta jkollha ftit xhur. Hi tgħix sa ħames snin u meta tpassi għax tfittex temperatura tal-baħar bejn 20 u 28 grad u tasal l-Atlantiku tista’ titwal sa żewġ metri. Jikbru malajr u kull ċiklu kapaċi jbidu minn 85,000 sa miljun bajda, b’żewġ jew tliet ċikli kull sena. Id-dgħajjes tas-sajd li joħorġu għal-lampuki fil-Mediterran huma tat-Tuneżija (300), l-Isqallin tal-Italja (150), Malta (91) u l-gżejjer Baleariċi ta’ Spanja (45). L-Isqallin jaqbdu 37% tal-lampuki, it-Tuneżini 31%, il-Maltin 15% u l-Ispanjoli 6%.

Fil-każ tal-lampuka qed jittieħdu passi mhux għax fil-periklu li tonqos u tispiċċa, iżda biex ma jiġrilhiex bħal ħafna ħut ieħor fosthom il-marlozz u t-trilja li qed jispiċċaw minħabba s-sajd esaġerat.

Pjan għall-ġid

Fis-sena 2013 Malta fasslet pjan biex tara li l-qabda tibqa’ ta’ 350 tunnellata fis-sena u li l-qabda tkun biżżejjed li tippermetti li l-lampuka ma tinqeridx imma lanqas ma jinqered l-għixien ta’ dawk li jiddependu mill-qabda tagħha. Il-pjan kien jaħseb li ma jkunx hemm iżjed minn 130 dgħajsa li jaqbdu l-lampuki billi jużaw il-kannizzati. Ġie deċiż ukoll li kull sajjied irid iħott il-qabda f’postijiet apposta biex jitniżżel kemm qed jinqabdu kull jum u kull staġun minn Santa Marija sal-aħħar tas-sena.

Issa fil-Mediterran qed tiġi studjata iżjed il-lampuka biex ikun hemm iżjed tagħrif dwarha li jgħin biex kemm jista’ jkun jiġi żgurat li jittieħdu l-passi kollha biex jibqa’ jkun han biżżejjed lampuki x’jinqabdu għall-ġid tal-eluf ta’ sajjieda li jaqbduhom u għall-miljuni ta’ nies li jiekluhom.

Ekonomija

Sport