Barcelona ffirmaw lill-attakkant Brażiljan, Raphinha, mingħand Leeds United fi ftehim li jista’ jlaħħaq sa £55m.
L-attakkant Brażiljan ta’ 25 sena ġie żvelat lill-partitarji fil-ground tat-taħriġ tal-club Katalan nhar il-Ġimgħa.
Raphinha, li ngħaqad ma’ Leeds mingħand it-team Franċiż ta’ Rennes għal £17-il miljun fl-2020, għamel 65 dehra tal-Premier League mal-club minn Yorkshire, fejn skorja 17-il goal u pprovda 12-il assist.
“Din ħolma li saret realtà minn meta kont żgħir,” qal Raphinha.
“Jien se nagħti l-aħjar tiegħi.”
Leeds United taw ġieħ lil Raphinha fi stqarrija tal-club li kkonfermat it-tluq tiegħu: “Nixtiequ nuru l-gratitudni sinċiera tagħna lejn Raphinha għall-isforz u l-kontribut tiegħu waqt li kien magħna.”
“Huwa wera impenn u professjonalità sal-aħħar taż-żmien tiegħu f’Elland Road u ċ-ċelebrazzjonijiet tiegħu fil-Brentford Community Stadium se jdumu fit-tul fil-memorja tagħna.”
Raphinha skorja penalty għal Leeds fir-rebħa ta’ 2-1 kontra Brentford fl-aħħar ġurnata tal-istaġun 2021/22 li assigurahom minn post fil-Premier League għal staġun ieħor.