Friday, November 15, 2024

Barcelona jilħqu ftehim ma’ kumpanija Amerikana għal pakkett finanzjarju qawwi

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa fuq il-midja soċjali, il-bord tad-direttur ta’ Barcelona ħabbar uffiċjalment ftehim finanzjarju mal-kum­panija Amerikana, Sixth Street, għal 10% tad-drittijiet televiżivi.

Wara diversi jiem ta’ taħdidiet, finalment il-Katalani ħabbru b’mod uffiċjali dan il-ftehim li bih se jdaħħlu bosta miljuni ta’ ewros għall-bejgħ tad-drittijiet televiżivi għall-25 sena li ġejjin.

“B’din it-tranżazzjoni, il-club ta’ Barcelona se jiġġenera qligħ kapitali li jlaħħaq madwar €267 miljun għall-istaġun attwali. 

“Il-kumpanija Sixth Street se tinvesti €207.5 miljun u bir-ritorn se tirċievi 10% tad-drittijiet televiżivi tal-club minn La Liga, għal dawn il-25 sena li ġejjin,” qalet stqarrija tal-club.  

Il-president ta’  Barcelona, Joan Laporta, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim: “Ninsab kuntent ħafna. Qed nattivaw toroq ekonomiċi biex inwettqu l-istrateġija, is-sostenibbiltá u l-effiċjenza tagħna biex insaħħu l-bażi finanzjarja tal-club.

“Sixth Street hija sostenitur tal-football li żgur m’għandha bżonn tal-ebda introduz­zjoni. Hija wkoll ​​investitur b’esperjenza fl-isports u fil-midja globali u se tkun is-sieħba tagħna li se tikkontribwixxi għarfien u riżorsi sinifikanti filwaqt li tippermettilna namministraw l-operazzjoni­jiet tagħna b’mod indipendenti,” qal Laporta. 

Għaldaqstant dan il-ftehim huwa sostenn ekonomiku biex jistabbilizza l-finanzi tal-club u issa se jkun jista’ jkun attiv fis-suq tat-trasferiment tas-sajf … bil-prijoritá se jkun l-attakkant Ġermaniż ta’ Bayern Munich, Robert Lewandowski.

Ekonomija

Sport