Wednesday, April 24, 2024

“M’għandu x’jaqsam xejn mat-terremoti jew mal-klima” 

Dott. Adam Gauci mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi tal-Università ta’ Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kienu bosta dawk li lbieraħ sebħu għal xena mhux tas-soltu meta f’xi lokalitajiet fil-Lvant ta’ Malta u dawk mal-kosta tat-Tramuntana għola l-livell tal-baħar, f’fenomenu li jissejjaħ bħala l-“milgħuba” jew bl-Ingliż “seiche waves”. Li jiġri huwa li l-mewġ tal-baħar jibda jilgħab ‘il fuq (mili) u ‘l isfel (frugħ) minħabba bidla fil-pressjoni atmosferika.

Dwar dan il-fenomenu, Talk.mt tkellem ma’ Dott. Adam Gauci mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi tal-Università ta’ Malta. 

F’Marsaxlokk il-livell tal-baħar għola kważi 30 ċentimetru…

Dott. Adam Gauci beda biex qalilna li għall-ħabta tat-3.00 a.m. il-pressjoni tal-arja niżlet f’daqqa madwar il-pajjiż u ħolqot disturbanza fil-baħar. Kien għalhekk li tkejlu l-ossillazzjonijiet f’Marsaxlokk, fejn l-akbar waħda seħħet għall-ħabta tas-6.30 a.m. fejn il-livell tal-baħar inbidel mas-26.4 ċentimetri. “Imbagħad ikollok ossillazzjonijiet, l-ilma jibqa’ dieħel u ħiereġ, u fil-bajjiet din ġieli tamplifika.”

“Il-pressjoni tal-arja niżlet f’daqqa madwar il-pajjiż u ħolqot disturbanza fil-baħar…”

Dott. Gauci kompla jispjega li, “dawn l-ossillazzjonijiet normalment jieħdu tul ta’ ħin u jixbhu lil dawk ikkawżati minn tsunami. Għalhekk dawn ġieli jissejħu ‘meteo-tsunamis’ jew ‘atmospheric tsunamis’. Madankollu l-mekkaniżmu li bih jiffurmaw huma totalment differenti. Il-milgħuba m’għandha x’taqsam xejn mat-terremoti jew mal-klima.”

Huwa tenna li dan il-fenomenu nesperjenzawh kull sena, iżda din id-darba kien aktar amplifikat. “Huwa diffiċli ħafna li wieħed ibassar meta dan se jiġri. Huwa għalhekk importanti li jkun hemm apparati li kontinwament josservaw il-kundizzjonijiet meterjoloġiċi tu tal-baħar, speċjalment fiż-żoni kostali.”

“Bħala parti mill-proġett Calypso South, l-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta installat sitt stazzjonijiet f’ħin reali madwar il-gżira li jimmoniterjaw il-parametri tal-kosta. Dawn l-istazzjonijiet kollha rreġistraw it-turbolenzi atmosferiċi.” 

Minbarra f’Marsaxlokk, il-“milgħuba” ġiet innutata wkoll fl-Imsida, Marsaskala u anke fil-bajja ta’ Spinola fost oħrajn.

Sport