Tikteb Claire Micallef (Uffiċjal għall-InformazzjoniUffiċċju għall-Affarijiet tal-KonsumaturAwtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur)
Fil-jiem li ġejjin, bosta negozji, kemm dawk li joperaw online kif ukoll dawk bi ħwienet fiżiċi, ser jibdew iħejju għall-Black Friday ta’ din is-sena li ser issir nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Novembru 2026. Din il-ġurnata tkun mistennija minn ħafna konsumaturi għaliex matulha jkunu jistgħu jakkwistaw il-prodotti li jixtiequ bi prezz aktar affordabbli. F’dawn l-aħħar snin, tant żdiedet il-popolarità ta’ tal-Black Friday li ħafna mill-kummerċjanti saru jagħżlu li jestendu dan il-perjodu ta’ tnaqqis għall-ġimgħa jew saħansitra għal xahar sħiħ. Ikun għalhekk għaqli li l-konsumaturi jżommu ruħhom aġġornati dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom sabiex igawdu bis-sħiħ minn dan ir-roħs.
Xi drittijiet għandhom il-konsumaturi?
Ħafna konsumaturi jaħsbu li jkollhom inqas drittijiet meta jixtru prodotti li jkunu mraħħsa fil-prezz. Dan, iżda mhuwiex minnu. Id-drittijiet tal-konsumaturi ma jinbidlux u jibqgħu l-istess kemm meta jixtru l-prodotti bi prezz normali u kemm meta l-prodotti jinxtraw waqt Sales.
X’jiġri jekk il-prodott jinzerta difettuż?
Il-prodotti kollha mibjugħa lill-konsumaturi għandhom ikunu konformi mal-kuntratt tal-bejgħ. Dan ifisser li għandhom jaqblu mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ, ikunu adatti għall-iskop li għalih inxtraw u joffru kwalità, funzjonalità u prestazzjoni li wieħed jista raġonevolment jistenna minn prodotti simili. F’każ li l-prodott mixtri ma jkunx konformi ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet il-konsumaturi jkunu jistgħu jitlobu rimedju b’xejn mingħand il-bejjiegħ. F’każ li il-prodott ma jkunx jaħdem sew, il-bejjiegħ għandu l-ewwelnett joffri tiswija jew bdil. Jekk dawn ir-rimedji ma jkunux possibbli jew ma jkunux jistgħu jsiru fi żmien raġonevoli jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, dan tal-aħħar jista’ jkun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew għal rifużjoni sħiħa.
Il-konsumaturi għandhom d-dritt li jirritornaw prodotti li jkunu xtraw?
Meta konsumatur jixtri prodott minn ġewwa ħanut u jkun jixtieq jirritornah għax ibiddel fehmtu jew ikunu għamel għażla ħażina, u mhux għax il-prodott ikun difettuż, il-bejjiegħ mhux obbligat jaċċetta r-ritorn tal-prodott jew jirrifondi l-flus. Għalhekk, qabel ma jsir ix-xiri, huwa importanti li l-konsumatur ikun ċert mill-prodott li qed jixtri.
Minkejja li mhux obbligati legalment, hawn diversi ħwienet li jaċċettaw li jibdlu l-prodott jekk il-konsumatur jibdel fehmtu. Hawn ukoll ħwienet li joffru wkoll nota ta’ kreditu f’każ li konsumatur jirritorna prodott u ma jsibx prodotti oħra x’jieħu dak il-ħin. Importanti ħafna, li jekk wieħed ikun ser jingħata nota ta’ kreditu, jara sa kemm iddum valida.
Minn naħa l-oħra, jekk il-prodott jinxtara online jew lill-hinn mill-post tan-negozju, bħal pereżempju meta rappreżentant tal-kumpanija jżur lill-konsumatur fid-dar tiegħu sabiex ibiegħlu prodott, wieħed ikollu perjodu ta’ rtirar ta’ erbatax-il jum, magħruf ukoll bħala cooling-off period.
Matul dan il-perjodu, li jibda’ jgħodd meta il-konsumatur jirċievi l-prodott id-dar, il-konsumatur ikun jista’ jirritorna l-prodott mingħajr l-obbligu li jagħti raġuni għalfejn qed jagħmel dan. Jekk il-konsumaturi ma jiġux infurmati dwar dan id-dritt, dan jiġi estiż għall-sena jew inkella l-14-il ġurnata jibdew jgħoddu minn meta l-konsumatur jiġi nfurmat b’dan id-dritt.
Importanti ħafna, li l-konsumaturi jaqraw bir-reqqa t-termini u l-kundizzjonijiet qabel jagħmlu x-xiri. Dan għaliex il-bejjiegħ jistipula li, jekk il-konsumatur jiddeċiedi jirritorna l-prodott għaliex ikun biddel fehmtu, u mhux għax il-prodott huwa difettuż, l-ispejjeż tar-ritorn iridu jitħallsu mill-konsumatur. Madankollu, biex dan ikun japplika, l-bejjiegħ għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumaturi minn qabel ma jinxtara il-prodott li jekk jirritornaw il-prodott lura ikunu iridu jħallsu l-ispejjeż tar-ritorn.
Problema oħra li l-konsumaturi jistgħu jiltaqgħu magħha meta jixtru online hi meta l-prodott ordnat ma jasalx fil-ħin jew ma jasal qatt. Ladarba ma jkunx hemm data speċifikata meta għandu jasal il-prodott, il-bejjiegħ għandu jiżgura li l-prodott ordnat jasal għand il-konsumatur fi żmien tletin ġurnata minn meta tkun saret l-ordni. Jekk le, il-konsumaturi imbagħad ikunu jistgħu jagħżlu li jikkanċellaw il-bejgħ u jitolbu l-flus lura.
Il-konsumaturi għandhom ikunu konxji wkoll li jekk l-prodott li jkunu xtraw jasal b’xi difett, jew ma jkunx kif deskritt mill-bejjiegħ, huma intitolati, li jitolbu rimedju b’xejn. Jekk dan ir-rimedju jkun jinvolvi r-ritorn tal-prodott difettuż, kwalunkwe spiża għandha tiġi mħallsa mill-bejjiegħ.
Indikazzjoni tal-prezz u offerti foloz
Meta l-prezzijiet jitnaqqsu għal xi offerta staġjonali, bħall-Black Friday jew matul xi Sales, il-bejjiegħa għandhom l-obbligu li jindikaw b’mod ċar il-prezz finali tal-prodott u mhux biss il-perċentwali tar-roħs.
Barra minn hekk, l-offerti għandhom ikunu ġenwini. Il-bejjiegħa ma jistgħux jgħollu artifiċjalment il-prezzijiet preċedenti sabiex jagħmlu l-promozzjoni tidher aktar attraenti milli fil-verità tkun. Għaldaqstant, meta jħabbar tnaqqis fil-prezz, il-bejjiegħ għandu juża bħala referenza l-inqas prezz li bih inbiegħ il-prodott matul it-30 jum ta’ qabel. B’hekk, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħrfu jekk l-offerta hijiex tassew vantaġġuża.
Meta konsumatur jiltaqa’ ma’ problema, għandu l-ewwel jipprova jsolvi l-kwistjoni direttament mal-bejjiegħ u jipprova jsib soluzzjoni amikevoli. Jekk ma jintlaħaqx qbil mal-bejjiegħ, il-konsumatur jista’ jikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għall-informazzjoni u assistenza.
L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq il-consumer helpline 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.
