Sena ħabs sospiża għal raġel li ammetta li insulta lil Adrian Delia fuq Facebook

Aqra wkoll

Raġel ta’ 49 sena ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta li ppubblika kumment inġurjuż fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia fuq Facebook, kif ukoll li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu meta kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’każ preċedenti.

Bernard Attard, residenti Ħal Qormi, tressaq il-Qorti nhar it-Tnejn, 23 ta’ Novembru, akkużat bi tliet reati b’rabta ma’ kumment li ppubblika fuq il-profil ta’ Facebook ta’ Delia fl-4 ta’ Settembru li għadda.

Skont l-akkużi, Attard għamel użu mhux xieraq minn mezz ta’ komunikazzjoni elettronika billi ppubblika kumment inġurjuż indirizzat lejn id-deputat Nazzjonalista.

Huwa ġie mixli wkoll li insulta jew hedded lil Delia permezz tal-istess kumment.

t-tielet akkuża kienet tirrigwarda ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ġew imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati fis-17 ta’ Diċembru 2025.

Dak id-digriet, maħruġ mill-Maġistrat Tanya Sammut, kien jinkludi garanzija personali ta’ €5,000.

Jammetti l-akkużi u jitlob skuża

Waqt il-proċeduri, Attard ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u skuża ruħu għall-aġir tiegħu.

Il-Qorti kkundannatu sena ħabs sospiża għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €1,000.

Ġiet ordnata wkoll il-konfiska ta’ €500 mill-garanzija marbuta mal-ħelsien mill-arrest li kien ingħata f’Diċembru tas-sena li għaddiet.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur tal-Pulizija John Sammut.

Id-difiża tmexxiet mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri. Eman Scicluna u Adriana Zammit.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport