Xavi rebaħ l-ewwel trofew tiegħu bħala coach ta’ Barcelona wara rebħa komda fuq ir-rivali Real Madrid fil-finali tas-Super Cup Spanjola liema partita ntlagħbet f’Riyadh.
Il-leaders tal-La Liga ddominaw il-partita fl-Arabja Sawdija u marru fil-vantaġġ meta l-player ta’ 18-il sena, Gavi, spara fix-xibka mill-pass ta’ Robert Lewandowski.
Imbagħad, l-istess Lewandowski (45) rdoppja meta kkonkluda minn pass ta’ Gavi.
Gavi kiseb assist ieħor fit-tieni taqsima meta żmarka lil Pedri (69) biex aċċerta r-rebħa qabel ma Karim Benzema skorja l-goal ta’ konsolazzjoni għall-Madrileni (91).
Peró, il-protagonista ta’ din il-logħba kien il-goalkeeper ta’ Real, Thibaut Courtois, li ċaħħad lill-Katalani milli jirbħu bi skor akbar meta wettaq bosta saves determinanti.
Din kienet it-tieni laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijet wara dik ta’ Ottubru fejn Real Madrid kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. Iżda minn dak in-nhar, Barcelona ssaħħew b’mod konsiderevoli hekk kif jinsabu fid-direzzjoni l-ġusta.