Tuesday, May 12, 2026

Barranin bla residenza f’Malta, inkluż turisti, li jiksru l-liġi se jkollhom il-ħallsu l-multa fuq il-post

Aqra wkoll

Mill-1 ta’ Ġunju, l-uffiċjali tal-Pulizija, tal-LESA u tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ser ikunu jistgħu jagħtu on-the-spot fines lil persuni barranin li m’għandhomx residenza f’Malta, inkluż turisti, li jiksru l-liġi waqt li jkunu f’pajjiżna. Dawn it-taħrikiet jfissru li l-uffiċjali ser ikunu jistgħu jieħdu l-pagament elettroniku tal-multa li jingħata l-individwu b’mod immedjat. Dan permezz ta’ regolamenti ġodda permezz ta’ avviż legali li ser ikunu qegħdin jindirizzaw l-isfida li kien qiegħed jaffaċċja pajjiżna sal-lum, hekk kif dawn l-individwi kienu jonqsu milli jħallsu dawn il-multi. B’dan il-mod mhux biss kiber id-deterrent li jfisser aktar ordni u infurzar fil-pajjiż, iżda ser jiġu introdotti wkoll riperkussjonijiet jekk wieħed jirrifjuta milli jħallas. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna kif din hija miżura mfassla mill-esperjenzi tal-Maltin u Għawdxin li għandhom jiġu rispettati minn dawk li jżuru pajjiżna. “Aħna nixtiequ li turisti li jżuru pajjiżna jgawdu mis-sbuħija ta’ pajjiżna iżda fl-istess ħin jirreċiprokaw rispett lejn il-Maltin u l-Għawdxin u lejn is-soċjetà tagħna. Illum pajjiżna huwa fost l-aktar siguri fid-dinja u l-aktar sigur fil-Mediterran, iżda dan huwa riżultat li ħdimna għalih u nixtiequ nżommu. Għalhekk dan hu pass ieħor favur aktar ordni u dixxiplina. Dan jikkumplimenta ħidma oħra li wettaqna fosthom l-installazzjoni ta’ kameras f’dawn l-aktar żoni li kien meħtieġ, inkluż f’Paceville, u anke t-twaqqif ta’ skwadra speċjalizzata tal-Pulizija f’Paceville.”

Il-Ministru Byron Camilleri kkonkluda li b’din il-liġi jgawdi kulħadd, inkluż it-turist u persuni barranin li jiġu f’pajjiżna u jirrispettaw liċ-ċittadini tagħna filwaqt li ser jiżdied id-detterrent billi tajna l-għodda kollha possibbli lill-uffiċjali tagħna biex ikunu jistgħu jinfurzaw, per eżempju meta jagħmlu storbju eċċessiv, jew iħammġu.

L-introduzzjoni tal-on-the-spot fines, ġabet ukoll kliem ta’ tifħir mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti Tony Zahra li fisser kif il-Gvern anke sema’ dak li kienet qegħda tgħid l-Assoċjazzjoni u li mhux biss jappoġġjawha iżda jħarsu ’l quddiem biex jarawha tiġi implimentata bl-aħjar mod. 

Sabiex tkun assigurata wkoll sistema ġusta, wara li persuni barranin li m’għandhomx residenza f’Malta jħallsu t-taħrika fuq il-post, jekk ma jaqblux mat-taħrika li ngħataw jistgħu jidhru quddiem Kummissarju tal-Ġustizzja fi tribunal li ser jitwaqqaf apposta. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport