Il-prosekuzzjoni fil-każ kontra raġel mixli li kkawża l-mewt ta’ Mildred Azzopardi – il-mara ta’ 62 sena li kienet tilfet ħajjitha f’inċident fil-Belt Valletta f’Lulju tas-sena li għaddiet – iddikjarat li m’għandhiex aktar provi xi tressaq.
B’rabta ma’ dan il-każ, Benjamin Chetcuti jinsab mixli bil-qtil involontarju ta’ Azzopardi u li kien qed isuq taħt l-effett tax-xorb. Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
F’seduti preċedenti fil-Qorti, ħareġ li t-test tal-breathalyser li sar fuq l-imputat, irriżulta li kien madwar ħames darbiet aktar milli suppost, u li huwa kien qed isuq b’veloċità medja ta’ 98km/h.
F’Jannar li għadda xehed ukoll ir-raġel tal-vittma li qal li hu u martu kienu waslu bil-karozza u pparkjaw. Qal li hu kien baqa’ bilqiegħda fis-seat tax-xufier filwaqt li martu niżlet tpoġġi xi affarijiet fil-bagoll.
Huwa spjega quddiem il-Qorti li ftit tal-ħin wara kien seħħ l-impatt, u minn dak il-ħin ’il quddiem hu ma jiftakar xejn ħlief li xħin qam sab ruħu l-isptar u sar jaf x’ġara hekk kif ġie mitkellem mill-awtoritajiet.
Fis-seduta tat-Tnejn, il-prosekuzzjoni ddikjarat li għalqet il-każ tagħha, li jfisser li d-dokumenti tal-każ issa se jmorru għand l-Avukat Ġenerali biex joħroġ l-akkużi ufiċjali qabel ma d-Difiża tippreżenta l-każ tagħha.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mas-Supretendent tal-Pulizija Nicholas Vella.
L-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għall-imputat.
L-Avukati Peter Fenech u Luigi Fenech qed jidhru għall-familjari tal-vittma.


