Sunday, December 22, 2024

Barranin maqbuda mir-Russi fl-Ukrajna akkużati li huma merċenarji

Aqra wkoll

Ħames irġiel, fosthom tlieta mill-Gran Brittanja, jistgħu jiffaċċjaw sentenzi tal-mewt, wara li tressqu l-qorti fl-hekk imsejħa Repubblika Popolari ta’ Donetsk fejn ġew akkużati li huma merċenarji u qed jiġġieldu mal-qawwiet Ukreni kontra r-Russja. Din il-qorti mhix rikonoxxuta internazzjonalment.

John Harding, Dylan Healy u Andrew Hill, flimkien mal-Iżvediż Mathias Gustafsson u l-Kroat Vjekoslav Prebeg ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-ħames irġiel li dehru nhar it-Tnejn twasslu l-qorti f’reġjun separatist tal-Ukrajna immanettjati u b’basktijiet suwed indaħħlin f’rashom.

Huma qed jiġu akkużati li ppruvaw “jieħdu l-poter bil-forza” u li “ħadu sehem f’kunflitt armat bħala merċenarji”.

Il-kawżi kollha tal-ħames irġiel se jkomplu jinstemgħu kmieni f’Ottubru, skont rapporti fil-midja Russa.

Il-familja u ħbieb tal-Brittaniċi qalu li ma kinux merċenarji u talbu biex jiġu ttrattati bħala priġunieri tal-gwerra skont il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra.

It-trattati internazzjonali jipproteġu nies li ma jieħdux sehem fil-ġlied, bħall-ħaddiema tal-għajnuna u dawk li ma jistgħux jibqgħu jiġġieldu, bħall-priġunieri tal-gwerra.

John Harding, eks militari u oriġinarjament minn Sunderland, kien ilu jiġġieled flimkien mal-forzi Ukraini minn meta mar fil-pajjiż fl-2018. F’Lulju deher f’filmat li appella lill-Prim Ministru Boris Johnson għall-għajnuna.

Hill ilu jiġġieled mal-Leġjun Internazzjonali tal-Ukrajna filwaqt li Healy, minn Huntingdon, Cambridgeshire, kien volontier fl-Ukrajna bħala ħaddiem tal-għajnuna man-Netwerk tal-Presidju meta nqabad f’punt ta’ kontroll f’April, flimkien ma’ Paul Urey li miet f’Lulju waqt li kien miżmum minn separatisti appoġġjati mir-Russi.

F’dan il-każ saru bosta appelli minn għaqdiet biex l-irġiel jiġu trattati b’mod uman. 

Ingħad li l-ħames irġiel qed jiġu ttrattati totalment kontra l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u b’mod ostili ħafna u qed jiġu ttrasportati mingħajr ma jkunu jafu fejn qegħdin. 

Gvernijiet barranin ċaħdu l-proċessi u qed iqisuhom bħala illeġittimi, u mhux se jinnegozjaw mal-Poplu ta’ Donetsk li ipproklamat repubblika lilha nnifisha.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Kroat iddeskrieva l-akkuża bħala waħada li hija infondata u llegali.

L-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit ikkundanna l-isfruttament ta’ detenuti ċivili għal skopijiet politiċi.

F’Ġunju li għadda l-qorti ta’ Donetsk ikkundannat għall-mewt żewġt irġiel Ingliżi u ċittadin Marokkin li nqabdu waqt li kienu qed jiġġieldu għall-Ukrajna u kienu akkużati li huma merċenarji. Is-sentenzi għadhom ma twettqux.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet tar-Russja Tass, it-tliet irġiel li qed jiffaċċjaw sentenza tal-mewt kienu kollha ttieħdu fil-belt ta’ Mariupol jew fil-belt tal-port tal-Ukrajna maqbuda mill-qawwiet Russi wara xhur ta’ attakk sostnut.

Ekonomija

Sport