Friday, November 15, 2024

Bastimenti ‘Russi’ projbiti milli jidħlu fil-port… mhux jingħataw fjuwil

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bastimenti li jtajru l-bandiera marittima Russa fl-aħħar jiem sabu intopp ġdid fil-baħar Mediterran u dan hekk kif jidher li dawn l-istess vapuri mhux qed jingħataw aċċess  għall-fjuwil meta jkunu fil-Mediterran. Sorsi qrib l-industrija marittima f’Malta, spjegaw lil Talk.mt li mhu qed jinbiegħ ebda fjuwil lill-bastimenti li jtajru l-bandiera marittima Russa. “Is-servizzi ta’ bejgħ ta’ fjuwil, jinsabu magħluqa għal bastimenti Russi”, qalulna l-istess sorsi. Dan qed iwassal għal probelmi loġistiċi kbar għal bastimenti Russi li jkunu qed ibaħħru minn portijiet fil-Baltiku lejn portijiet u swieq fl-Asja. 

L-istess sors spjegalna li Malta flimkien ma’ Ġibiltà u r-reġjun ta’ Cadiż fi Spanja huma fost l-akbar żoni ta’ bunkering u li joffru servizz ta’ fjuwil għall-bastimenti. 

L-istess sors marittima qalilna li l-portijiet Maltin huma magħluqin għal bastimenti Russi.

Jispjega li l-fatt li “l-fatt li fil-Mediterran mhux jingħataw servizzi ta’ bunkering u aċċess għall-fjuwil għal bastimenti Russi, dan se jkun qed joħloq problemi kbar għal dawk il-bastimenti li jidħlu fil-Mediterran biex imorru lejn l-Asja. Dawn ikunu ġejjin minn żoni differenti fosthom portijiet fil-Baltiku.”

Talk.mt għamlet kuntatt mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fejn tlabnihom jikkonfermaw l-informazzjoni dwar aċċess għas-servizzi ta’ fjuwil lill-bastimenti Russi.

Il-Ministeru qalilna li “preżentament, huwa projbit li bastimenti b’bandiera Russa jidħlu f’portijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ mis-sanzjonijiet li gew imposti. L-operaturi Maltin għandhom ir-responsabiltà li jassiguraw li jagħmlu due diligence neċessarju fuq ma’ min ikunu qed jagħmlu l-kummerċ. Ta’ min wieħed jinnota li apparti din il-projbizzjoni, hemm projbizzjonijiet oħra fil-qasam finanzjarju kif ukoll hemm persuni u entitajiet li magħhom huwa projbit li jsir negozju kemm dirett kif ukoll indirett. L-element tar-riskju huwa preżenti u huwa għalhekk li l-Bord Tas-Sanzjonijiet dejjem jisħaq li l-operaturi għandhom ikunu konxji mir-riskji u jilqgħu għalihom billi jagħmlu ‘due diligence’ b’mod rigoruż. 

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qalilna li “l-objettiv tas-sanzjonijiet huwa li jservu ta’ pressjoni fuq pajjiż partikolari, f’dan il-każ lir-Russja bil-għan li twaqqaf l-aggressjoni fl-Ukranja. Qabel ma jiġri dan, huwa improbabli li jkun hemm rilaxx ta’ restrizzjonijiet. Il-Bord tas-Sorveljanza tas-Sanjonijiet ippublika diversi linji ta’ gwida ghal operaturi fuq is-sanzjonijiet kontra r-Russja li wiehed jista jaċċessa hawn: https://foreign.gov.mt/en/government/smb/pages/guidance-notes.aspx”.

Ekonomija

Sport