Saturday, May 4, 2024

Il-FIFA tissanzjona sitt assoċjazzjonijiet Afrikani

Aqra wkoll

Il-FIFA ssanzjonat sitt assoċjazzjonijiet tal-football Afrikani wara l-partiti tal-play-off tat-Tazza tad-Dinja 2022 ta’ Marzu, iżda ma ordnatx ir-replays mitluba mill-Alġerija u l-Eġittu.

Minflok is-Senegal, in-Niġerja u r-Rep. Dem. tal-Kongo kollha ġew ordnati jilagħbu partita waħda bil-bibien magħluqa kif ukoll jiġu mmultati.

L-Alġerija, l-Eġittu u l-Marokk kollha ngħataw multi finanzjarji mill-korp governattiv dinji tal-football.

Il-lista ta’ deċiżjonijiet ippubblikata mill-FIFA ma tinkludi l-ebda struzzjonijiet għal xi replays jew taqlib tar-riżultati.

L-Alġerija kienet ressqet talba mal-FIFA għal replay tat-telfa tat-tieni leg meta żaru l-Kamerun li rat lid-Desert Foxes jiġu eliminati bir-regola tal-goals away.

Il-Federazzjoni tal-Football tal-Alġerija u l-coach tat-team nazzjonali, Djamel Belmadi, ma kinux kuntenti b’diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mir-refe­ree mill-Gambja, Bakary Gassama.

Minflok l-unika sanzjoni maħruġa mill-FIFA kienet multa ta’ $3,000 lill-Alġerija għal “ordni u sigurtà fil-logħbiet (tfigħ ta’ oġġetti u ħruq ta’ logħob tan-nar)”.

In-Niġerja, li wkoll ġew eliminati bil-goals away jgħoddu doppju, ġew immultati $154,000 u jridu jilagħbu partita waħda mingħajr partitarji wara li l-partitarji tagħhom invadew il-ground wara t-tieni leg tagħhom f’Abuja kontra l-Ghana.

Is-Senegal iridu jilagħbu wkoll logħba waħda bil-bibien magħluqa u jħallsu multa ta’ $180,000 wara li huma wkoll instabu li kisru l-kodiċi dixxiplinarji tal-FIFA fir-rebħa tat-tieni leg kontra l-Eġittu li rat lit-Teranga Lions jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja.

Il-FIFA indikat diversi kwistjonijiet fil-partita: “Nuqqas li jiġu implimentati regoli eżistenti ta’ sigurtà u nuqqas li jiġi żgurat li l-liġi u l-ordni jinżammu fl-istadium, invażjoni fil-ground, tfiegħ ta’ oġġetti, ħruq ta’ logħob tan-nar, użu tal-laser fl-għajnejn u użu ta’ oġġetti biex jittrasmettu messaġġ li mhux xieraq għal avvenimenti sportivi – banner offensiv.”

L-Eġittu kien talab replay tal-logħba wara li għamel ilment lill-FIFA li indika diversi mill-kwistjonijiet ta’ hawn fuq bħala bażi għat-talba.

Intant l-FA Eġizzjana ġiet immultata $6,000 wara li r-referee fit-tieni leg f’Dakar wissa sitt players tal-Pharaohs.

Ir-Rep. Dem. tal-Kongo se jkollha wkoll til­għab partita mingħajr spettaturi wara invażjoni fil-ground wara d-draw tal-ewwel leg tagħhom mal-Marokk u se jħallsu wkoll multa ta’ $123,000.

Kien hemm multa oħra ta’ $5,000 għar-RD tal-Kon­go għat-“tfiegħ ta’ oġġetti” waqt it-tieni leg tal-play-off, li tilfu 4-1 fil-Marokk.

Intant il-Marokk stess iridu jħallsu $30,000 għad-“ħruq ta’ logħob tan-nar, tfiegħ ta’ oġġetti u turġien imblukkati” fil-logħba tat-tieni leg fl-Istadium Mohamed V f’Casablanca.

Sport