Saturday, December 21, 2024

BAT taħdem fuq vaċċini għall-Covid-19 permezz tas-sussidjarja Amerikana tal-bio-teknoloġija

Aqra wkoll

Kentucky BioProcessing (KBP), sussidjarja Amerikana għall-bio-teknoloġija tal-BAT, qed tiżviluppa vaċċin potenzjali għall-COVID-19, u issa l-proċess jinsab fil-fażi ta’ ttestjar qabel il-fażi klinika. Jekk l-ittestjar imur tajjeb, il-BAT qed tittama li, bi msieħba tajbin u bl-appoġġ minn aġenziji governattivi, tkun tista’ timmanifattura minn miljun sa tliet miljun doża ta’ dan il-vaċċin kull ġimgħa, mill-bidu ta’ Ġunju li ġej.

Filwaqt li KBP tibqa’ kumpanija kummerċjali, l-intenzjoni hi li x-xogħol tagħha madwar il-proġett tal-vaċċin COVID-19 ma jsirx għal skop ta’ profitt.

Il-vaċċin li qed ikun żviluppat juża t-teknoloġija li diġà għandha l-BAT f’dak li hu tkabbir b’ritmu mgħaġġel tal-pjanti tat-tabakk. Din it-teknoloġija għandha bosta vantaġġi fuq it-teknoloġija konvenzjonali tal-produzzjoni tal-vaċċin għal dawn ir-raġunijiet: 

• Potenzjalment hi aktar sigura, minħabba li l-pjanti tat-tabakk ma jistgħux ikollhom pathogens li jikkawżaw mard fil-bniedem;
• Hi teknoloġija aktar veloċi, minħabba li l-elementi tal-vaċċin jakkumulaw ħafna aktar malajr fil-pjanti tat-tabakk – jieħdu sitt ġimgħat biss fil-pjanti tat-tabakk, meta mqabbla ma’ diversi xhur bl-użu ta’ metodi konvenzjonali; 
• Il-formulazzjoni tal-vaċċin li qed tiżviluppa l-KBP tibqa’ stabbli f’temperatura ambjentali ta’ kamra, bil-maqlub ta’ vaċċini konvenzjonali li ħafna drabi jeħtieġu refrigeration; 
• Għandha l-potenzjal li tagħti immune response effettiv b’doża waħda.

Is-sussidjarja Amerikana tal-BAT, Reynolds American Inc, kienet akkwistat lill-KBP fl-2014, bil-għan li tuża wħud mit-teknoloġiji uniċi tagħha ta’ estrazzjoni mit-tabakk, biex tgħin aktar l-iżvilupp tal-kategorija l-ġdida tagħha ta’ prodotti li ma jinħarqux.

Fl-2014, KBP kienet fl-aħbarijiet bħala waħda mill-ftit kumpaniji bi trattament effettiv għall-virus tal-Ebola, wara li mmanifatturat iż-ZMapp™, ma’ Mapp BioPharmaceuticals, kumpanija bbażata fil-Kalifornja. Dan seħħ ukoll fi sħubija mal-Awtorità Biomedika għar-Riċerka u l-Iżvilupp Avvanzat (BARDA) tal-Istati Uniti (U.S. Biomedical Advanced Research and Development Authority).

Dan l-aħħar, KBP ħolqot kopja ta’ porzjon tas-sekwenza ġenetika tal-COVID-19, li wasslet għall-iżvilupp ta’ antiġen potenzjali – l-antiġen hi sustanza li twassal għal immune response fil-ġisem u, partikolarment, għall-produzzjoni ta’ antikorpi (antibodies). 

Dan l-antiġen imbagħad iddaħħal fil-pjanti tat-tabakk biex ikun hemm riproduzzjoni u, ladarba l-pjanti nġabru, l-antiġen kien ippurifikat, u issa għaddej minn testijiet qabel il-fażi klinika.

Il-BAT issa qed tesplora sħubiji ma’ aġenziji governattivi biex, mill-aktar fis possibbli, twassal il-vaċċin tagħha għal studji kliniċi. Permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ gvernijiet u partijiet terzi involuti fil-manifattura, il-BAT temmen li jistgħu jkunu mmanifatturati bejn miljun u tliet miljun doża ta’ dan il-vaċċin kull ġimgħa.

Dr David O’Reilly, Direttur għar-Riċerka Xjentifika ta’ BAT, qal: “Aħna qegħdin f’kuntatt mal-Food and Drug Administration tal-Istati Uniti u qegħdin infittxu gwida dwar il-passi li jmiss. Ninsabu ukoll f’kuntatt mad-Dipartiment għas-Saħħa u l-Ħarsien Soċjali tar-Renju Unit u mal-BARDA fl-Istati Uniti, biex noffru l-appoġġ tagħna kif ukoll l-aċċess għar-riċerka tagħna bil-għan li nippruvaw inħaffu l-iżvilupp ta’ vaċċin kontra l-COVID-19.

“L-iżvilupp tal-vaċċini hu xogħol impenjattiv u kumpless, imma nemmnu li għamilna skoperta sinifikanti bil-pjattaforma teknoloġika tagħna fuq pjanti tat-tabakk. Ninsabu lesti biex naħdmu mal-Gvernijiet u l-partijiet kollha interessati ħalli ngħinu fir-rebħ tal-gwerra kontra l-COVID-19. Qed nappoġġjaw ukoll b’mod sħiħ l-appell tan-Nazzjonijiet Uniti, ħalli jkun hawn approċċ mis-soċjetà kollha biex niġġieldu kontra problemi globali.

“Il-KBP issa ilha tesplora diversi alternattivi għal użu differenti tal-pjanti tat-tabakk. Użu alternattiv minnhom hu l-iżvilupp ta’ vaċċini minn dawn il-pjanti. Aħna impenjati li nikkontribwixxu għall-isforz globali biex jitwaqqaf it-tixrid tal-COVID-19, bl-użu ta’ din it-teknoloġija.” 

Ekonomija

Sport