Ftit jiem qabel ma missier ta’ żewġ ulied kellu jibda l-vjaġġ li jista’ jsalvalu ħajtu, it-tama nbidlet f’ansjetà kbira. Sandro Grech, il-Malti li qed jiġġieled battalja kuraġġuża kontra l-leukemia, bħalissa jinsab maqbud f’nofs kwistjoni ma’ kumpanija tal-air ambulance Ingliża li, wara li rċeviet il-ħlas sħiħ, talbet tmenin elef ewro oħra f’daqqa.
Il-vjaġġ ta’ Sandro ma kienx wieħed faċli. Wara li rkupra minn infezzjonijiet serji li żammewh l-isptar Mater Dei matul l-aħbar ġimgħat, it-tobba finalment taw il-konferma li huwa jinsab stabbli biżżejjed biex jivvjaġġa. Għall-ewwel, il-ħsieb kien li Sandro imur Singapore, iżda l-ispejjeż hemmhekk telgħu għal ammonti astronomiċi li kienu impossibbli li jintlaħqu. Bl-għajnuna tal-awtoritajiet Maltin u riċerka intensiva, il-familja sabet tama ġdida f’Beijing, iċ-Ċina, fejn Sandro ġie aċċettat għal trial mediku li joffri l-aqwa ċans għal fejqan.
Dan il-każ kien qanqal mewġa ta’ solidarjetà nazzjonali li ftit rajna bħalha fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna. Tard is-sena l-oħra, il-poplu Malti rrisponda b’tant saħħa li f’inqas minn 24 siegħa nġabret is-somma ta’ €250,000. Kien f’dan il-mument li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern ta’ Malta kien se jirdoppja d-donazzjonijiet tal-poplu b’€250,000 oħra. B’hekk, it-total laħaq in-nofs miljun ewro, l-ammont li t-tobba kienu oriġinarjament ikkwotaw biex Sandro jkun jista’ jagħmel it-trattament tiegħu.
Biex it-trasport lejn iċ-Ċina jsir b’mod sigur, il-familja qabbdet il-kumpanija EMS Air Ambulance u Medical Repatriation Ltd, ibbażata f’Londra. Nhar il-Ħamis li għadda, intbagħat rapport mediku dettaljat lill-kumpanija, u abbażi ta’ hekk intbagħtet invoice “all-inclusive” ta’ kważi €150,000. Il-ħlas sar immedjatament minn Abigail, il-mara ta’ Sandro, permezz ta’ dawn il-fondi li nġabru b’tant imħabba u sagrifiċċju.
Iżda r-riħ dar fi ftit sigħat. Kif il-kumpanija kkonfermat li rċeviet il-flus, ċemplet lil Abigail u infurmatha li kien hemm bżonn ajruplan akbar u għalhekk riedu €80,000 oħra. Din it-talba waslet minkejja li l-kumpanija kellha d-dettalji mediċi kollha f’idejha qabel ma ħarġet l-ewwel prezz.
Ikkuntattjati minn dan il-ġurnal dwar din iż-żieda f’daqqa, il-kumpanija EMS sostniet li s-sigurtà tal-pazjent hija l-prijorità assoluta tagħhom. Huma qalu li ż-żieda fil-prezz kienet dovuta għal ħtieġa medika però naqsu milli jispjegaw għaliex din id-deċiżjoni ttieħdet biss wara li l-ħlas ta’ €148,000 kien diġà ġie kkonfermat, meta d-dettalji mediċi kienu ilhom f’idejhom aktar minn 24 siegħa.
F’post emozzjonali li qasmet fuq Facebook nhar is-Sibt waranofsinhar, Abigail ddeskriviet il-qtigħ il-qalb li ħasset meta rrealizzat li l-fondi tal-poplu u tal-Gvern kienu qed jinżammu bħala ostaġġ. Hija stqarret li din iż-żieda f’daqqa hija inġustizzja kbira f’mument fejn kull sekonda hija kruċjali għal żewġha.
Minkejja dan l-uġigħ ta’ qalb, Abigail użat il-messaġġ tagħha biex tirringrazzja pubblikament lill-awtoritajiet li immedjatament kienu t-tarka tagħhom. Hija rringrazzjat b’mod speċjali lill-Prim Ministru Robert Abela għas-sapport kontinwu tal-Gvern, kif ukoll lill-Kummissarju Għoli ta’ Malta f’Londra, il-Professur Stephen Montefort, li intervjena b’mod personali biex jagħmel pressjoni fuq il-kumpanija Ingliża biex tonora l-ftehim oriġinali.
L-avukati u ħbieb tal-familja, Dr Aron Mifsud Bonnici u Dr Roselyn Borg, ukoll issemmew minn Abigail għall-għajnuna imprezzabbli li qed jagħtu biex issir ġustizzja. Is-sentiment tal-familja huwa ċar: ma jistgħux jaċċettaw li l-vulnerabbiltà ta’ Sandro tintuża għall-profitt żejjed.
Filwaqt li l-ħin għaddej, u Sandro jinsab lest biex jibda l-vjaġġ tiegħu, il-poplu Malti kollu qed jistenna li s-sens komun jirbaħ fuq il-profitt, biex din l-istorja ta’ solidarjetà nazzjonali tintemm b’suċċess.

