Tuesday, December 24, 2024

Battibekk bejn il-Kanada u ċ-Ċina

Aqra wkoll

Il-President taċ-Ċina Xi Jinping akkuża lil Justin Trudeau, il-Prim Ministru Kanadiż, li żvela d-dettalji ta’ laqgħa jiem wara li huma kellhom taħditiet bilaterali fis-summit tal-G20 fil gżira ta’ Bali, l-Indoneżja.

Il-President Xi qal lill-PM Kanadiż, permezz ta’ traduttur, li dak li għamel ma kienx xieraq u akkużah b’nuqqas ta’ sinċerità. X’aktarx li Xi Jinping kien qed jirreferi għal rapporti li Justin Trudeau ddiskuta allegat spjunaġġ Ċiniż u ndħil fl-elezzjonijiet Kanadiżi.

It-taħditiet, li seħħew bil-bibien magħluqa, kienu l-ewwel bejn iż-żewġ pajjiżi wara bosta snin.

Fil-filmati miġbuda mill-ġur­nalisti qabel intemmet il-laqgħa tal-mexxejja dinjin f’Bali juru lil President Xi u l-Prim Ministru Trudeau wieqfa qrib xulxin jitkellmu permezz ta’ interpretu.

“Dak kollu li ddiskutejna ġie żvelat u dan mhux xie­raq,” qal il-mexxej Ċiniż lil Trudeau.

Wara li tbissem u xengel rasu, il-PM Kanadiż wieġeb billi qal “fil-Kanada nemmnu fi djalogu ħieles u miftuħ u sinċier u hekk se nkomplu nagħmlu.” Minkejja dan il-battibekk u minkejja l-akkużi kontra xulxin, Trudeau iżda sostna li se jkompli jħares ’il quddiem biex iż-żewġ pajjiżi jaħdmu flimkien b’mod kostruttiv anke jekk se jkun hemm affarijiet li ma jaqblux bejniethom dwarhom.

Kelliem għall-ministeru għall-affarijiet barranin Ċiniż rrefera għall-inċident u ddeskrivieh bħala skambju normali li m’għandux jiġi interpretat bħala li jikkritika jew iwaħħal f’xi ħadd.

Il-kelliem, Mao Ning, żied li Beijing appoġġja li jkun hemm skambji sinċieri sakemm dawn jinżammu fuq bażi ugwali.

L-iskambju qasir bejn iż-żewġ mexxejja iżda enfasizza t-tensjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Kanada, l-aktar dwar  l-arrest  fil-Kanada tal-kap eżekuttiv ta’ Huawei Technologies, Meng Wanzhou fl-2018 u l-arresti sussegwenti ta’ żewġ Kanadiżi fiċ-Ċina li kienu akkużati bi spjunaġġ.

Iżda reċentement reġgħu tfaċċaw it-tensjonijiet wa­ra l-arrest ta’ Yuesheng Wang, ħaddiem ta’ kumpanija pubblika f’Hydro-Quebec, li ġie akkużat bi spjunaġġ ukoll.

L-Ispettur tal-pulizija Kanadiża David Beaudoin,  qal li Wang uża l-pożizzjoni tiegħu f’Hydro-Quebec biex iwettaq riċerka għal università Ċiniża u ċentri oħra ta’ riċerka-
turi.

Ir-Royal Canadian Mounted Police qalet fi stqarrija li Weng kiseb sigrieti kummerċjali b’detriment tal-interessi ekonomiċi tal-Kanada waqt li l-Prim Ministru Trudeau u l-President Xi kienu qed jattendu s-summit tal-G20 ta’ ftit jiem ilu fil-gżira Indoneżjana ta’ Bali.

Ekonomija

Sport