Wednesday, April 17, 2024

L-GĦOLI TAL-ĦAJJA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Numru ta’ elementi ta’ inċertezza qed iħufu madwar l-ekonomija imma nissuspetta li l-akbar waħda għad tispiċċa dik dwar l-inflazzjoni. Frankament wara li ġara fl-aħħar sentejn/tlieta, ftit qed nafda it-tbassir li jsir dwarha.

Jiskantani l-livell ta’ preċiżjoni li jibqa’ jingħata dwar kemm il-prezzijiet se jibqgħu jiżdiedu u meta se jerġgħu jibdew nieżla. Issa nifhem li dan it-tbassir hu marbut ma’ kalkoli statistiċi magħmula minn kompjuters sofistikati skont mudelli stabbiliti.

Imma t-tbassir li kien isir dwar l-istaġnar tal-prezzijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Fond Monetarju Internazzjonali fl-2020 jew l-2021 ukoll kien maħdum bl-istess mod. Illum awtoritajiet oħra qed isostnu li l-brejks fiskali fl-Ewropa fost oħrajn messhom ingħafsu sa mill-bidu tas-sena li għaddiet. Għalhekk tkebbset l-inflazzjoni, igħidulna. Mur obsor.

Fil-verità kollox jiddependi minn kif jiżvolġu l-ġrajjiet. Biżżejjed jiskatta inċident jew tnejn mhux mistennija…. jew biżżejjed ġrajja ma tiżviluppax eżatt kif mistenni u wieħed jintebaħ tard wisq li t-tbassir falla.

DIŻGRAZZJI TAT-TRAFFIKU

Bir-raġun kiber l-inkwiet dwar id-diżgrazzji fit-toroq li qed jiżdiedu għal livell mhux aċċettabbli. Imwiet, nies midruba, karozzi sfrakassati. 

  Bla dubju l-indixxiplina, is-sewqan b’ħeffa eċċessiva, l-abbuż mid-droga u l-akoħol, it-toroq ġodda li jħajru lil sewwieqa bi ftit esperjenza biex jsuqu b’għaġla li mbagħad ma jifilħux jikkontrollaw u fatturi oħra jikkontribwixxu għal dan id-diżastru.

Nistagħġeb madankollu li ma jissemmiex fattur ieħor: il-bankini. F’wisq każi dojoq wisq, miżmuma ħażin, b’livelli differenti jew b’ħofor, mudlama. Min ikun għaddej minn fuqhom, mhux l-anqas anzjani jippreferi jinżel minnhom biex talanqas fit-triq miftuħa j/timxi b’anqas sogru ta’ waqgħa. Mit-triq ikunu għaddejja l-karozzi, mhux dejjem misjuqa b’galbu.

DOMMI

Dwar Karmenu Mifsud Bonniċi nkiteb u ntqal ħafna. Il-kwalitajiet personali tiegħu faħħarhom kulħadd, bir-raġun. Il-ħidma politika tiegħu jew ġiet injorata jew ikkritikata, biex ma ngħidx inmaqdra. Is-“sabiħa” hi li kważi kull min ikkritika jew maqdar telaq mid-deskrizzjoni u d-dommi tiegħu ta’ x’kienu (jew meshhom kienu)  l-għanijiet politiċi ta’ KMB. Baqgħu l-aktar fuq il-parenza ta’ barra tal-ġrajjiet, imżellġa bl-interpretazzjoni tal-partit li rebaħ l-elezzjoni tal-1987.

M’għandix dubju li l-istoriċi tal-futur għad jirridimensjonaw bil-kbir l-analiżijiet foqra li qrajna dwar il-ħidma ta’ KMB. Se jagħtu importanza lill-bidliet strutturali kbar li wassal għalihom fost oħrajn, fl-edukazzjoni tal-pajjiż, fir-rwol tal-Knisja Kattolika fis-soċjetà Maltija, fit-tmexxija tal-Partit Laburista, fil-bidliet kostituzzjonali, fil-bidliet ekonomiċi li beda jtellaq fi żmien ta’ ambjent ekonomiku internazzjonali iebes, u fir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea.

Mid-diskorsi kollha li saru kien dak tal-viċi Prim Ministru Fearne l-uniku li fittex japprezza ġustament dak li wettaq KMB fil-qasam politiku.

Ekonomija

Sport