Friday, April 26, 2024

Battibekk serju bejn id-direttur sportiv Davide Vagnati u l-coach Ivan Juric ta’ Torino

Aqra wkoll

Id-direttur sportiv ta’ Torino Davide Vagnati u l-coach Ivan Juric inqabdu fuq filmat jiġġieldu fil-parkeġġ fil-kamp ta’ taħriġ tal-pre-season tal-club fl-Awstrija.

It-team tas-Serie A kompla bil-preparazzjoni billi lagħab diversi partiti ta’ ħbiberija li wrew is-saħħa tat-team minkejja li diversi players importnati telquhom matul dan is-sajf.

Dan hekk kif id-difensur Gleison Bremer ingħaqad ma’ Juventus għas-somma ta’ £35 miljun u l-ex captain tal-club Andrea Belotti telaq bi free transfer, filwaqt li nefqu biss £13-il miljun f’akkwisti ġodda, li jinkludu lil Samuele Ricci, Brian Bayeye, Etrit Berisha u Pellegri.

L-ex coach ta’ Genoa u Verona Juric kellu taħditiet mal-president tal-club Urbano Cairo diversi drabi, u wera d-diżappunt tiegħu għall-politika ħażina tat-tisħiħ tat-team matul dan is-sajf.

It-tensjoni saħnet meta d-direttur ta’ 44 sena wasal fil-bażi tat-taħriġ u ġie milqugħ minn Juric, tant li huma bdew jiġġieldu fil-parkeġġ.

Vagnati inżamm fiżikament lura hekk kif hu u Juric bdew joffendu lil xulxin f’battibekk kemmxejn vjolenti.

Torino se jilagħbu logħba ta’ ħbiberija kontra t-team tal-Ligue 1 Nice nhar is-Sibt, 30 ta’ Lulju qabel jiftaħ l-istaġun il-ġdid tas-Serie A kontra Monza fit-13 ta’ Awwissu.

It-team immexxi minn Juric ikklassifika fl-10 post matul l-istaġun li għadda, 20 punt fuq iż-żona tar-relegazzjoni u 20 punt wara l-ewwel erbgħa, iżda din id-darba se jkunu qed jittamaw għall-fortuni aħjar.

Sport