Tuesday, December 24, 2024

Baukultur ta’ kwalità għolja twassal għal standard ta’ għajxien aħjar u reżiljenza ikbar

Aqra wkoll

“Huwa kruċjali li niżviluppaw bini u ibliet ta’ kwalità li jkunu sostenibbli u kulturalment rilevanti. B’hekk niksbu Baukultur ta’ kwalità għolja, li twassal għal soċjetà iktar koeżiva, prosperità ekonomika sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Dan qalu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt li kien qiegħed jindirizza Konferenza tal-Ministri tal-Kultura Ewropej f’Davos l-Iżvizzera, li qed isir bħala parti mill-Forum Ekonomiku Dinji.

Il-konferenza, li hija t-tieni waħda tax-xorta tagħha, kellha t-titlu ta’ “Common Wealth – Shared Responsibility” u tibni fuq dak li kien sar fl-ewwel konferenza ministerjali fl-2018 meta kienet saret id-Dikjarazzjoni ta’ Davos fejn Malta kienet firmatarja. Matul it-tieni konferenza nħolqot l-hekk imsejħa “Davos Alliance” sabiex jintlaħqu aħjar il-miri relattivi.

Matul il-konferenza, il-Ministri tal-Kultura Ewropej iddiskutew ma’ rappreżentanti li ġejjin mid-diversi setturi, inkluż il-Kummissjoni Ewropea, il-UNESCO, diversi għaqdiet internazzjonali u ditti privati fuq skala globali, dwar kif tinkiseb Baukultur ta’ kwalità għolja. Il-Ministru Bonnici saħaq li fl-aħħar mill-aħħar, il-Baukultur se jgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-koeżjoni globali fil-komunitajiet tagħna.

“Minħabba l-isfidi kontinwi li qed jiffaċċjaw is-soċjetajiet tagħna, il-ħtieġa għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ għajxien sostenibbli huma dejjem iktar meħtieġa. Fil-qalba ta’ din il-ħidma hemm il-ħtieġa li jiġi pprovdut ambjent aħjar għaċ-ċittadini tagħna fejn ikunu jistgħu jgħixu, jaħdmu u jirnexxu tul ħajjithom. L-integrazzjoni tal-aspetti kulturali u ambjentali għalhekk saret ċentrali, speċjalment fid-dawl tal-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tas-soċjetajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Matul l-istess konferenza, il-Ministru Bonnici ngħaqad mal-bqija tal-Ministri Ewropej fi kliem ta’ sostenn lill-poplu ta’ l-Ukrajna wara l-aggressjoni militari li qed twettaq ir-Russja.

Ekonomija

Sport