Nhar id-9 ta’ Lulju li ġej, se jirritorna l-kunċert tal-BBC Concert Orchestra fuq il-Fosos tal-Floriana. It-tema magħżula għal din is-sena hija ‘Classic Rock Anthems’ u se tinkludi taħlita ta’ mużika ta’ ġeneru rock u pop ġejjin minn artisti ta’ fama mondjali bħal The Rolling Stones, Queen, David Bowie, Prince, Lady Gaga, Coldplay, The Beatles, Tina Turner, Fleetwood Mac, Cher u Elvis.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia kif ukoll id-Direttur Maniġerjali ta’ GetonMusicMedia Jason Carter.
Il-Ministru Clayton Bartolo elenka kif dan l-avveniment jawgura għal sajf ta’ xogħol li fih l-industrija turistika tkompli tirkupra u tissaħħaħ. “Minkejja ż-żminijiet ta’ sfida li għadda minnu s-settur turisitku, Malta baqgħet tattira attivitajiet ta’ portata għolja – turija ċara ta’ kemm nemmnu li t-turist rridu noffrulu esperjenza ta’ kwalità f’kull qasam. Din għandha tkun il-mentalità li tibqa’ tigwidana biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku tiegħu bl-aħjar mod possibbli,” saħaq il-Ministru Bartolo.
Iċ-Chairman Gavin Gulia rrimarka li attivitajiet bħal BBC Concert Orchestra huma ħolqa oħra fil-viżjoni li għandha l-Awtorità għas-settur turistiku li permezz tagħha pajjiżna jkun destinazzjoni ta’ avvenimenti għal kull età.
Intant, id-Direttur Maniġerjali Jason Carter esprima l-entużjażmu tiegħu u tal-kumplament tal-organizatturi għar-ritorn tagħhom f’Malta.