Wednesday, March 19, 2025

Bdejt niġri ta’ 44 sena … qabel qatt m’għamilt sport f’ħajti – Tonio Mifsud

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?

Jiena bdejt niġri ta’ 44 sena. Qabel qatt m’għamilt sport f’ħajti. Kont over-weight. Bħalma wieħed jaf, il-piż żejjed iġib miegħu problemi bħall-kolesterol u diabete. Kelli t-tnejn, u bdejt dieta stretta u bdejt nimxi nofsiegħa kuljum. Barra min hekk, l-atletika kienet dejem togħġobni u mhux l-ewwl darba l ħadt sehem f’xi sports day, l-iskola. Imma dejjem s’hemm wasalt.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

Kif diġá għidt, jien bdejt nimxi kuljum, niftakar kien Frar tal-2018. Sa Ġunju ta’ dik is sena, kont diġá tlift 35Kg. Ħadd ma kien baqa’ jagħrafni!. Minn nofsiegħa kuljum, tlajt għal siegħa kuljum u għal Lulju ta’ dik is-sena, bdejt indaħħal ġirja żgħira ta’ xi 500 metru mal-mixja.

Kelli ħabib u qalli li kien se jieħu sehem fil-5K ta’ Attard għax għal dak l-istaġun, l-organizzaturi kienu għamlu l-midalji jingħaqdu flimkien u tiġi midalja waħda kbira. Jien kont applikajt bħala walker imma kont ġrejtha kollha. Niftakar kont għamilt l-ewwl 5K tiegħi f’ħin ta’ 30 minuta. Wara kont applikajt għat-10K Ladies Running Club u qatt ma ħarist lura! Illum ma nimmaġinanix li Alla ħares qatt jiġrili xi ħaġa u ma nkunx nista’ niġri għax ma nafx kif tista’ tkun ħajti bla ma mmur niġri. Il-ġiri sar parti minni.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Għal raġunijiet ta’ saħħa. Fil-bidu, qatt ma kelli l-element kompetittiv … L-aqwa li nibda tellieqa u nispiċċaha. Imma bħalma wieħed jaf, bla ma trid tibda tibni ġo fik abbitudni pożittiva u l-adrenalina dejjem tiżdied ġo fik.


Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Hemm diversi persuni li bdejt nammira meta bdejt dan l-isport. Imma l-iktar persuna li fil-bidu, jien ammirajt kien Darren Vandit u ħafna atleti oħrajn.


Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Dan l-aħħar meta għalaqt il-50 sena bdejt nieħu l-ewwel jew it-tieni post. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li kull atleta xi darba jew oħra f’ħajtu jirbaħ xi unur. B’hekk jagħmel iktar kuraġġ u ma jaqtax qalbu.

Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?

L-aħjar pernonal best kien milux fil-Maratona ta’ Frar 2025 fejn għamiltha f’ħin ta’ 1:31. Kont ukoll trennjajt għall-personal best għal Mdina 2 Spinola, imma ftit jiem qabel kelli injury żgħira u qisu 200 metru mit-tmiem tlift is-saħħa kollha f’daqqa f’sieqi x-xellugija u kelli nieqaf u nimxi sal- finish line. Imma ma ninsa qatt l-Maratona ta’ Mata 2023 meta kont ħadt sehem fil-maratona kollha u għamiltha f’ħin ta’ 3:31. Kont trennjajt sew għaliha u wasalt.


Il-media tagħtikom bizzejed pubbli
ċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Il-media dejjem għandha tagħti pubbliċitá u coverage lil kull sport. Mhux kompetizzjonijiet internazzjonali biss imma anke dawk lokali. Dan hu importanti sabiex il-poplu Malti jkun jaf x’ikun qed jiġri matul is-sena kollha ġewwa pajjiżna bħala sport. Grazzi għall ġurnalisti bħalek li tagħtina ċans lilna personali b’intervisti bħal dawn!

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Il-ħolma tiegħi hi li nibqa’ b’saħħti ħalli nkompli niġri u ma naqtax u xi darba niehu sehem nofs maratona barra min pajjizi

X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattikka?

Ħafna u mhux mill-atleta nnifsu biss, iżda wkoll mill-familja tiegħu. Jien niġri madwar siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, eżatt wara x-xogħol u l-Ħadd filgħodu ġirja twila ta’ sagħtejn sħaħ. Dejjem kelli l-appoġġ ta’ familti speċjalment ta’ marti li dejjem kienet warajja u qatt ma qatatli qalbi … anzi tinkoraġġini bis-sħiħ!

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

Waqt il-kompetzzjoni, naħseb li kulħadd jagħmel l-aħjar li jista’ biex itejjeb il-ħin tiegħu personali. Waqt xi tellieqa, kulħadd ikun iffukat fuqu nnifsu. Wara, kulħadd jifraħ kemm bil- ħin tiegħu u anke b’dak ta’ ħaddiehor. S’issa qatt ma rajt lil xi ħadd imdejjaq wara tellieqa. Ikun hemm sens ta’ ferħ u għaqda bejnietna u nifirħu ma’ xulxin.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Sa issa m’għandi xejn pjanat. Forsi xi tellieqa ta’ 5K. Imma taħriġ dejjem konsistenti.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Taqtgħu qalbkom qatt! Irnexxieli jien, jirnexxielu kulħadd! Ħadd ma hu bħal kulħadd u bħalkom hemm ħafna wkoll. Mhux kulħadd jidħol l-ewwel. L-aqwa hu li inti tirbaħ lilek innifsek u tibda tagħmel xi ħaġa. Tinsiex li wara l-linja finali, kulħadd huwa rebbieħ u dik il-midalja li tingħata hija l-irċevuta li inti rebbieħ tiegħek personali. Il-ferħ li tħoss hu tiegħek biss!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport