Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont żgħir, fejn kont immur nilgħab is-Sależjani tas- Sliema. Lejl u nhar nilagħbu l-futbol u dejjem kont nilgħab ma’ min huwa ikbar minni.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Nadur Youngsters FC.
L-esperjenza tiegħi bħala kowċ ta’ Nadur hija ferm sabiħa u differenti . Laqggħuni b’idejhom miftuħin u għamluni wieħed minnhom. Esperjenza differnti għaliex iħarsu lejn il-logħba tal- futbol b’mod differenti.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?
Kuntent immens. Il-plejers huma kważi kollha mir-raħal tan-Nadur. Tajna ċans tfal u plejers li ssoltu kienu jiġu mislufa lill-klabbs oħra biex jieħdu l-ħin li jilagħbu, iżda dan l-istaġun żammejna lil kulħadd u tajnihom iċ-ċans li jilagħbu għat-tim ta’ raħal twelidhom. Bħala plejers barranin Għawdex tista’ tilgħab erbgħa imma parti kbir tal-logħob li lgħabna ġieli lgħabna bi tlieta u anke bi tnejn. Fil-bidu tal-istaġun ħafna nies u ġurnalisti kienu qalu li b’dan it-tim, dan huwa tim li ħa jiġġieled biex jevita r-relegazzjoni. Iżda ħdimna ħafna iktar mis-snin ta’ qabel u sa issa ninsabu f’pożizzjoni tajba fil-klassifika.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Dan l-istaġun il-klabb kien qed jgħaddi minn transizzjoni fejn is-snin ta’ qabel. Il-pjan kien li investejna fuq il-kowċing u fuq iż-żgħażagħ tar-raħal. Xorta waħda riedna li l-klabb tan-Nadur ikun relevanti.
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u dan kemm hu differenti minn dak tal-futbol Malti?
Il-futbol Għawdxi qisu dak bħal ta’ Malta tal-BOV Challenge League, imma bħat-timijiet tan-naħa ta’ fuq. Id-differrnza hija l-mentalitá ta’ kif iħarsu lejn il-logħba tal-futbol. Il-futbol Għawdxi huwa ta’ livell tajjeb ħafna u jista’ jiżdied jekk il-GFA tisma’ iktar lill-klabbs.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fejn nilagħbu l-istadium huwa wieħed mill-aqwa li hawn fil-gżejjer Maltin. Il-grawnd tagħna ta’ fejn nitħarrġu huwa 8-a-side pitch, mhux ideali imma taħdem b’li għandek. Ċerti ġranet il-klabb jikri full pitch 11-a-side biex aħna nkunu nistgħu nitħarrġu. Hemm klabbs li lanqas pitch fejn jitħarrġu m’għandhom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol nispera li jibqa’ fil-kowċing. Nispera wkoll li malajr kemm jista’ jkun niġi aċċettat biex nagħmel il-liċenzja UEFA PRO wkoll. U bħal naħseb ħafna kieku tiġi l-opprtunitá li mmur nieħu esperjenza barra minn xtutna, neħodha.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jekk trid tagħmel suċċess f’xi ħaġa dejjem trid tagħmel sagrifiċċji kbar … fil-futbol nemmen li dawn iridu jkunu ikbar. Taqta’ qalbek qatt!