Wednesday, October 9, 2024

“Bdejt nippakkja skont iż-żminijiet, iżda n-nies riedu jixtru bl-użin”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Niftakar meta kont dħalt jien għal dan il-ħanut wara missieri kont pruvajt xi ppakjar, iżda l-klijenti donnhom bdew jesprimu x-xewqa biex tinżamm is-sistema tradizzjonali tat-tqartis fil-karta u b’hekk erġajna lura għas-sistema tal-użin. Il-ħanut beda fl-1888 miz-zijiet ta’ missieri, missieri u issa jien u b’kollox ilu kważi 135 sena. Qabel kienu jinbigħu ċertu prodotti li kienu jintużaw ħafna dak iż-żmien bħalma kienu l-pitrolju, affarijiet ta’ xemgħa, żjut u ħbula. Dawn il-prodotti flimkien ma’ ġwież u oħrajn kienu jinbiegħu f’dan il-ħanut qabel u fi żmien il-gwerra. Wara bdew deħlin ħafna vapuri Ingliżi bi prodotti ġejjin mill-Indja u bdew jintroduċu ċertu ikel u ħwawar. Dak iż-żmien konna nbigħu bl-ingrossa u hawnhekk kien post kummerċjali ħafna. Meta ngħidu ngrossa jiġifieri mhux bir-ratal jew bil-waħda, iżda bil-kwantità bħal ngħidu aħna sitta jew tużżana. 

Il-klijentala żagħżugħa tagħtini tama għall-futur fejn tidħol kuxjenza ambjentali. Ninnota li ħafna minn dawk li jiġu jixtru, anke dawk żgħar fl-età saru jġibu magħhom kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw. Barra minn hekk huma konxji ħafna dwar il-ħela u għalhekk ħafna jiġu jixtru bil-kejl eżatt kemm ikollhom bżonn. Illum fetħu ħafna stabbilimenti kbar u għalhekk mhux se ngħid li ma nsibux diffikultà biex nikkompetu, iżda d-domanda hija waħda tajba ħafna xorta waħda.

Minbarra turisti biex jixtru, jiġu oħrajn ma’ gwidi li jkunu qegħdin iduru dawn il-ħwienet biex ngħidu hekk daqsxejn partikolari li għadna niġbdu ċertu attenzjoni minħabba d-dehra tradizzjonali tagħhom.

Daħlu ħafna ħwawar maż-żmien, u minbarra dawk il-ħwawar, nippruvaw inħalltu ħwawar ġodda anke skont it-talba tal-klijenti. Bħala perjodu tal-bejgħ naħseb minn żmien il-Milied sal-Għid huma l-aktar b’saħħithom. Biex ngħidu hekk aħna għalina temp kiesaħ ifisser aktar li dak li jkun jiġi jixtri u jinġabar mal-forn biex jipprepara xi borma sħuna. Is-sajf mod ieħor għalina. Żidna ħwawar għal mal-barbeques u dawk huma l-aktar li jmixu f’dawk iż-żminijiet, iżda iva l-aktar b’saħħithom huma dawk ix-xhur li fihom ikollna temperaturi aktar friski.

Qabel il-bdiewa Maltin kienu jiżirgħu ħafna ħwawar lokalment bħalma kienu l-Bużbież, Kosbor, u l-Kemmun. Il-Kemmun ħa ismu minn Kemmuna għax kien ikun hemm ħafna pjanta tal-Kemmun fuq dik in-naħa.

Fil-ħanut tagħna ma ssibilniex biss ħwawar, imma anke varjetà ta’ spices, essenzi, affarijiet oħra tat-tisjir li jintużaw fid-djar u varjetà ta’ kafejiet fosthom il-kafè Malti bl-imsiemer tal-qronfol u l-ħlewwa.  

Qabel kien normali li tkompli fuq xi ħaġa wara ta’ qablek. Dak iż-żmien missieri kien qabad inaqqas minn saħħtu u kemm biex inkompli l-isem kif ukoll minħabba li kienet xi ħaġa ta’ sodisfazzjon li nkompli l-istorja tal-ħanut, kont dħalt għalih b’dedikazzjoni. S’issa kollox jindika li jien se nkun l-aħħar ġenerazzjoni, iżda ma narax għalfejn m’għandhiex tinqala’ dik il-persuna li tagħżel li tkompli warajja u għalhekk nħares ’il quddiem biex inkomplu nżommu dan it-timbru ta’ identità Maltija.”

Johann Farrugia; bejjiegħ tal-ħwawar bl-użin fost prodotti oħra fil-Belt Valletta

Sport