Sunday, December 22, 2024

B’din il-vettura l-pumpiera se jkunu jistgħu joperaw f’żoni li qabel ma kinux daqstant aċċessibbli

Aqra wkoll

L-għaqda volontarja St. John Rescue Corpse (SJRC) se tkun qed issaħħaħ il-flotta tal-vetturi ta’ salvataġġ bil-karozza eATRV – karozza żgħira li taċċessa żoni urbani u rurali u li taħdem bl-elettriku.

Il-karozza, b’investiment ta’ €20,000 permezz tal-iskema VOPS, amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS), hija mgħammra b’tank tal-ilma u pompa tan-nar. L-eATRV għandha l-kapaċità li tinstaq f’off-road u topera b’mod sigur u effiċjenti f’żoni li mhumiex aċċessibbli għall-vetturi normali tat-tifi tan-nar.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret lill-għaqda volontarja għall-impenn tagħha mhux biss biex issaħħaħ il-flotta ta’ vetturi ta’ salvataġġ iżda li qed tagħmel dan billi tħares ukoll l-ambjent permezz ta’ karozza li taħdem bl-elettriku.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli

Il-Ministru Farrugia Portelli nnutat kif tul is-snin u permezz tal-iskema VOPS, l-SJRC investiet bis-sħiħ fil-flotta tal-vetturi ta’ salvataġġ biex tkompli tagħti kontribut effiċjenti u konsistenti lill-poplu Malti u Għawdxi. Hija temmet tgħid li, “Tnedija bħal tal-lum hija xhieda tal-fiduċja b’saħħitha li l-gvern għandu fl-għaqdiet volontarji u fl-eluf ta’ voluntiera li jagħtu ħinhom għall-ġid komuni.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo qal li “Tul dawn l-aħħar snin rajna li l-fondi amministrati mill-MCVS imorru għal proġetti li għandhom valur miżjud fis-servizz mogħti mill-għaqda fil-komunità.”

Andrew Grech, il-Kap tal-Operazzjonijiet tas-St. John Ambulance, iddeskriva dan il-proġett bħala wieħed innovattiv mhux biss għall-għaqda volontarja iżda wkoll għall-pajjiż inġenerali. “L-iskop ta’ din il-vettura huwa li tagħtina ċertu mobbilità u aġilità f’passaġġi fil-kampanja fejn normalment vetturi ikbar ma jkunux jistgħu jidħlu.”

Matul dan il-proġett l-SJRC ikkollaborat mal-Federazzjoni tal-Heritage Parks biex voluntiera Rangers jingħataw taħriġ professjonali u speċjalizzat f’sitwazzjonijiet ta’ nirien fi msaġar madwar Malta u Għawdex.

Matul l-inawgurazzjoni tal-karozza eATRV, saret dimostrazzjoni bil-karozza kif ukoll ingħata taħriġ lill- voluntiera tal-SJRC. Kienet imnedija wkoll kampanja ta’ għarfien fuq il-midja soċjali għall-pubbliku biex ikun imħeġġeġ jagħmel il-parti tiegħu biex jipprevjeni nirien tal-ħaxix u tal-imsaġar, li jista’ jkollhom impatt devastanti fuq l-ambjent.

Preżenti wkoll kien hemm il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba, kif ukoll il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta l-Kurunell Clinton O’Neill.

Ekonomija

Sport