Saturday, December 21, 2024

“B’diskriminazzjoni pożittiva jkollna iktar nisa fil-Parlament” – Chris Fearne jgħid li f’100 sena ta’ Parlament ġew eletti biss 27 mara

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne iddeskriva l-liġi li qed jipproponi l-Gvern biex fil-Parlament ikun hemm iktar deputati nisa bħala diskriminazzjoni pożittiva favur in-nisa intiża biex issewwi d-defiċit storiku.

Il-liġi taħseb biex jekk is-sess l-inqas rappreżentat, fil-preżent in-nisa, ma jkunx jaqbeż l-40% tat-total tad-deputati jiżdiedu sa 12-il deputat tal-istess sess l-inqas rappreżentat u dawn ikunu mqassma ugwalment bejn il-partiti.

Fearne semma kif f’100 sena ta’ storja parlamentari kienu biss 27 in-nisa li ġew eletti fil-Parlament u waqt li semmihom b’isimhom iddeskriva lil Agatha  Barbara bħala eroj għalih għax kienet l-ewwel ministru mara barra l-ewwel President mara.

Huwa qal li din hija liġi oħra li permezz tagħha l-Partit Laburista qed ikun fuq in-naħa t-tajba tal-Istorja fil-100 sena tal-eżistenza tiegħu u semma kif ħafna drittijiet tan-nisa daħlu fis-seħħ sforz gvernijiet Laburisti.

Id-Deputat Prim Ministru irrikonoxxa li waħedha din il-liġi mhix biżżejjed madankollu enfasizza li mingħajrha ma naslux fil-mira li jkollna aktar nisa fil-Parlament.

Huwa nsista li biex ikun hemm deputati nisa daqs kemm hemm irġiel jeħtieġ imbuttatura favur in-nisa u awgura li naslu f’punt fejn l-għażla tal-kandidati ma tkunx ibbażata fuq is-sess imma fuq il-kompetenza tal-persuna.

Ekonomija

Sport