Saturday, December 28, 2024

Bdot li ma kienx xogħol ittanta jitfi l-magni tal-ajruplan waqt it-titjira

Aqra wkoll

Bdot ta’ linja tal-ajru Amerikana ġie arrestat u akkużat bi 83 akkuża li ttanta joqtol lill-passiġġieri u l-ekwipaġġ wara li allegatament ipprova jitfi l-magni tal-ajruplan waqt titjira nhar il-Ħadd bil-lejl.

Il-bdot, li ġie identifikat bħala Joseph David Emerson ta’ 44 sena, minkejja li dakinhar ma kienx xogħol, allegatament poġġa bilqiegħda fil-kabina tal-ajrupjan tal-Alaska Airlines wara l-kaptan u l-ewwel uffiċjal waqt it-titjira  minn Everett, Washington, lejn San Francisco, California, bi 80 passiġġier abbord.

Sussegwentement, it-titjira ġiet devjata lejn Portland, Oregon, u s-suspettat ġie arrestat wara li membri tal-ekwipaġġ fuq it-Titjira 2059 tal-Alaska Airlines irrappurtaw l-inċident lill-kontroll tat-traffiku tal-ajru u talbu għall-preżenza tal-puliżija qabel niżlu l-art.

It-titjira, operata minn Horizon Air, kienet skedata li titlaq fis-5:25pm ħin lokali u tasal San Francisco fis-7:30.

Il-passiġġieri fuq it-titjira qalu li s-sitwazzjoni ġiet trattata b’mod professjonali mill-ekwipaġġ tat-titjira tant li huma ma kinux konxji tal-kriżi. Il-passiġġieri kollha abbord setgħu jivvjaġġaw fuq titjira aktar tard.

L-inċident issa qed jiġi investigat mid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Portland u l-FBI, li fi stqarrija, l-FBI ikkonfermat li qed tinvestiga u qalet li tista’ tassigura lill-pubbliku li jivvjaġġa li m’hemm l-ebda theddida kontinwa relatata ma’ dan l-inċident.

Minbarra l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil, Emerson qed jiffaċċja wkoll 83 akkuża ta’ periklu imprudenti għall-passiġġieri u għal ajruplan. 

Uffiċjali qalu li ma kinux ċerti meta se jitressaq il-Qorti.

Nhar it-Tnejn, l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni sostniet mal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti li l-inċident ma kien marbut bl-ebda mod ma xi ġrajjiet internazzjonali kurrenti.

Ekonomija

Sport