Tuesday, April 30, 2024

Beda jagħti mat-tieqa tal-uffiċċju ta’ Bernice u jitlobha tmur lura d-dar

Xhieda fil-Qorti ta’ maniġer li kienet taħdem mal-vittma

Aqra wkoll

Lejliet li seħħ il-qtil ta’ Bernice Cassar hija kienet imbeżża’ li jsibha żewġha u jagħmlilha xi ħaġa, minkejja li kellha ordni ta’ protezzjoni. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Moira Grech, maniġer li kienet taħdem ma’ Bernice f’Mejju 2013, hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni kontra Roderick Cassar dwar il-qtil ta’ martu.

Il-Qorti semgħet kif lejliet il-każ, Moira u Bernice kienu qegħdin waħidhom ix-xogħol u bdiet tgħidilha kemm tħossha mbikkma u mbeżża’: “Kellha biża’ kbira li mhix protetta. Dejjem imbeżża’ … L-għada mort ix-xogħol u nsib il-ġisem tagħha …” qalet imbikkma x-xhud.

Kien propju l-għada ta’ Jum l-Omm tal-2022 li l-vittma fetħet qalbha għall-ewwel darba mal-kollega tagħha dwar is-sitwazzjoni li kienet għaddejja minnha. Dakinhar Bernice talbet lil Moira biex tidħol daqsxejn tard ix-xogħol. Appena waslet l-uffiċċju qaltilha li kienet telqet mid-dar u marret tgħix m’ommha minħabba li kellha kwistjoni ma’ żewġha. Ix-xhud kompliet tgħid li minkejja illi Bernice telqet mid-dar, hija kienet tkun dejjem imbeżża’ u mbikkma sal-punt li ma tkunx taf fejn se tagħti rasha. Xi jiem wara, fil-25 ta’ Mejju 2022, Roderick mar isib lil martu fuq il-post tax-xogħol.

“Aħna konna bit-twieqi magħluqin. Beda jagħti mat-tieqa li tiġi wara l-uffiċċju ta’ Bernice. Beda jitlobha tmur lura d-dar u jsaqsiha toħroġ tkellmu. Dakinhar għajjat lili biex ikellimni iżda jien ma kellix xi ngħidlu. Ma ridtx nidħol fil-ħajja personali tagħhom. Baqa’ jħabbat mat-tieqa,” xehdet Moira. Dwar l-istess episodju hija qalet li Bernice dehret imbikkma u umiljata bl-aġir ta’ żewġha, u lissnet dan il-kliem: “X’mistħija, x’mistħija”. Moira dak il-ħin infurmat lill-Pulizija dwar dan
minħabba li kienet responsabbli tal-kumplament tal-ħaddiema li kienu fl-istess binja. Meta waslu fuq il-post, Roderick kien laħaq telaq.

Fix-xhieda ta’ Moira ssemma wkoll li l-vittma kontinwament kienet tirċievi messaġġi u telefonati mingħand żewġha, li ħafna drabi jkunu fit-tul. “Kont nismagħha tgħidlu: Roderick tibqax iċċempel għax ma nistax nibqa’ nirrispondi t-telephone”. Eventwalment waslet f’sitwazzjoni fejn kellha tibblokkja n-numru ta’ żewġha minn fuq il-mowbajl kif ukoll ittieħdu miżuri biex hi ma tirrispondix landlines iktar, qalet il-kollega ta’ Bernice.

Sport