Tuesday, May 14, 2024

VIŻJONI LI GĦANDHA TTEJJEB L-OPERAT TAL-GVERN LOKALI

Aqra wkoll

Wara konsultazzjoni mifruxa fuq diversi ġimgħat, il-Kunsilli Lokali issa għandhom viżjoni strateġika għas-seba’ snin li ġejjin. Din il-viżjoni tirrifletti t-30 sena ta’ kemm ilhom imwaqqfin f’pajjiżna l-Kunsilli Lokali. Xi kultant il-kummenti dwar l-operat tal-Kunsilli mhux dejjem kienu favorevoli anzi kien hemm drabi fejn ċertu kunsilli kienu kritikati għal xi nuqqas ta’ azzjoni jew għal xi deċiżjoni li tkun ftit jew wisq kontroversjali.

Madankollu, il-ħidma li wettqu ħafna Kunsilli Lokali serviet ta’ benefiċċji għar-residenti tal-lokal. Anke minkejja li għal ċertu kwartieri politiċi l-Gvern ħa f’idejh lill-Kunsilli Lokali sal-punt li “qed jikkontrollahom.” Il-viżjoni li tnediet fil-bidu ta’ din il-ġimgħa tikkontradixxi din il-kritika.

Il-viżjoni ħolistika tal-Kunsilli Lokali għas-seba’ snin li ġejjin se ssaħħaħ l-operat tagħhom billi hi msejsa fuq ħames pilastri. Li jinkludu governanza tajba, ambjent aktar nadif u kunsilli lokali viċin in-nies. B’hekk nittamaw li ċ-ċittadini mhux biss ikomplu japprezzaw il-ħidma tal-Kunsilli imma wkoll li jkunu huma ta’ sostenn għall-istess Kunsilli Lokali.

It-tibdil teknoloġiku li qed iseħħ b’għaġla kbira bla dubju se jinfluwenza l-mod kif jaħdem il-Gvern Lokali. Fil-fatt, biex tilqa’ għal dan il-fenomenu, il-viżjoni tpoġġi fi prijorità d-diġitalizzazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Aspett ieħor li hu ta’ min ifaħħru huwa li issa se jkun hemm pjattaformi komuni għall-Kunsilli Lokali. Dan wara li ssir analiżi tal-ħidma f’kull livell u abbażi tar-riżultati tinħoloq teknoloġija komuni għall-Kunsilli Lokali u dawk Reġjonali kollha. Dan bil-għan li tiffaċilita l-ħidma tal-Kunsilli Lokali filwaqt li tippermetti lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali li tissorvelja u tassisti fejn meħtieġ. B’hekk jistgħu jitnaqqsu l-inkonvenjenti preżenti li jiffaċċjaw ir-residenti.

F’dan il-proċess kollu, se jseħħ anke bil-parteċipazzjoni tal-komunitajiet li kuntrarjament għal dak li kien isir sa ftit tas-snin ilu, se jkunu involuti fil-proġetti u inizjattivi oħra sa mill-fażi tal-ippjanar tagħhom. B’hekk, għandna għax nifhmu li jkun qed jiġi żgurat li ċ-ċittadin ikun parti mis-soluzzjonijiet u mhux mill-problemi.

Aħna konvinti illi din l-istrateġija mhix se tibqa’ biss karta stampata imma se tkun applikata bl-aħjar mod possibbli biex minbarra li ssaħħaħ il-Kunsilli Lokali se sservi wkoll biex iċ-ċittadin ikun moqdi aħjar.

Sport