Beda jopera teatru ġdid tal-Vascular Hybrid Theatre li sar b’investiment ta’ €2.7 miljun u li huwa kruċjali għall-pazjenti li jiġu bżonn interventi fl-arterji u l-vini. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela
Il-Ministru Abela spjega kif dan l-apparat avvanzat jippermetti lill-professjonisti biex jaraw arterji f’diversi bnadi tal-ġisem tal-pazjent mingħajr ma jkun hemm bżonn li tinfetaħ parti mill-pazjent. Intqal, kif dan jgħin biex isiru ferm aktar interventi b’riżultati ferm aħjar u b’anqas kumplikazzjonijiet għall-pazjent. Dan it-teatru ser ikun kruċjali wkoll li jsiru interventi f’emerġenzi u inċidenti tat-traffiku li jkunu jirrikjedu intervent fuq arterji li ġew milquta jew saħansitra mċarrta waqt aċċident.
“Dan it-teatru mhux biss fih l-għodod biex isiru ċerti interventi normali, imma fih ukoll apparat sofistikat fejn jistgħu jsiru interventi minn sieq il-pazjent permezz ta’ toqba żgħira,” tenna Dr Abela.
Il-Ministru Jo Etienne Abela kompla li permezz ta’ dan it-teatru, il-pazjent qed isirlu intervent b’aktar preċiżjoni u tiġi mħarsa aktar ħajjet il-pazjent. Għaldaqstant, wara l-intervent, il-pazjent ikun jista’ jmur lura d-dar f’qasir żmien mingħajr ma jkun hemm għalfejn jagħmel ġranet jew saħansitra ġimgħat rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Il-Ministru semma wkoll li fejn qabel pazjenti vulnerabbli mhux dejjem kien possibbli li jsirilhom intervent, issa permezz ta’ dan it-teatru ser ikunu qed joffru tama lil dawn il-pazjenti.
“Illum nistgħu ngħidu li għandna l-aqwa kura għall-arterji u vini f’pajjiżna. F’dan it-teatru diġà ġew operati ’l fuq minn 20 pazjent b’suċċess u ċert li ser jgħin eluf ta’ pazjenti jgawdu minn dan l-investiment. Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti f’apparat biex il-professjonist imexxi s-servizz ’il quddiem għal ġid tal-pazjent,” temm jgħid Dr Abela.