Project Green għaddej b’xogħol ta’ riġenerazzjoni f’Tal-Pietà, proġett li se jkun qed jimmodernizza bandli eżistenti, li kien għalkollox mitluq. Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, flimkien mat-tim ta’ Project Green u s-Sindku Tal-Pietà Stefano Savo flimkien ma’ membri oħra tal-Kunsill Lokali, żaru dan is-sit.
Fuq medda ta’ 1,570 metru kwadru, dan il-proġett jinkludi xogħol ta’ tisbiħ u titjib ta’ spazju miftuħ eżistenti, b’tagħmir u faċilitajiet aktar moderni. Diġà tneħħew 800 tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni. Ix-xogħlijiet jinkludu installazzjoni ta’ ġibjun li ħa jkun qed jiffaċilita l-irrigazzjoni awtomatika biex l-ispazju jinżamm b’mod sostenibbli fit-tul. L-element ta’ sostenibbilità se jiġi indirizzat ukoll permezz ta’ sistemi tal-elettriku li jaħdmu bl-enerġija solari. Il-proġett jinkludi wkoll żoni ġodda għal-logħob tat-tfal, bankijiet u mwejjed ġodda, passaġġi u aċċessi iktar siguri u moderni.
F’dan il-ġnien se jkunu qed jitħawlu aktar minn 40 siġra matura, kif ukoll numru ta’ arbuxxelli biex flimkien ma’ siġar oħra eżistenti jsaħħu l-ekosistema u jipprovdu dell għal kull min irid iqatta xi ħin ta’ rilassament f’dan il-ġnien. Uħud minn dawn is-siġar u l-pjanti huma indiġeni u se jissaqqu minn sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika permezz ta’ ġibjun ta’ 45 metru kubu li ġie mħaffer biex b’hekk jiġi assigurat użu effiċjenti tal-ilma.
“Għal darb’oħra qed naraw xogħlijiet fi spazju miftuħ ieħor, fejn grazzi għall-ħidma kontinwa ta’ Project Green qed tingħata l-ħajja mill-ġdid lil spazju li kien mitluq. Bħal kull proġett ieħor, ladarba jitlesta dan il-proġett, dan l-ispazju se joffri lir-residenti u lill-komunitajiet tal-madwar ambjent aktar aħdar, sigur u inklussiv, fejn familji u ħbieb jistgħu jiltaqgħu, jirrilassaw u jgawdu ħin ta’ kwalità flimkien,” irrimarkat il-Ministru Miriam Dalli.
Is-Sindku Tal-Pietà Stefano Savo saħaq, “Proġett bżonjuż ġewwa l-lokalità tagħna fejn qed jiġi rriġenerat mill-ġdid il-bandli tal-lokalità grazzi għall-għajnuna minn Project Green.”
Dylan Abela Spiteri, il-Project Manager fuq dan il-proġett spjega li bħala parti mix-xogħol inizjali tal-proġett, tneħħa t-tagħmir eżistenti biex ikompli jwitti t-triq għall-kumplament tal-proġett li jinkludi wkoll bandli ġodda.
Dan il-proġett huwa parti mill-iskema tal-Community Greening Grant, fejn ix-xogħlijiet qegħdin isiru bi sħab bejn Project Green u l-Kunsill Lokali Tal-Pietà.
