Monday, April 21, 2025

“Beħsiebni nkompli ninvesti fin-negozju tiegħi”- Jay Vella, Rebbieħ ta’ Big Brother Malta Season 1

Aqra wkoll

Huma ħafna minna li dan l-aħħar konna qed insegwu l-programm televiżiv fuq l-istazzjon nazzjonali “Big Brother Malta Season 1”. Big Brother huwa reality show televiżiv li beda fl-Olanda fl-1999 u minn hemm infirex globalment, inkluż f’Malta. L-idea tal-programm hija li grupp ta’ parteċipanti jgħixu flimkien f’dar magħluqa għal numru ta’ ġimgħat, kollha taħt sorveljanza kontinwa permezz ta’ kameras. Il-konkorrenti ma jistgħux jużaw mobiles jew ikollhom kuntatt barra mid-dar. Kull ġimgħa xi ħadd jiġi nominat minn fost ir-residenti biex joħroġ, u l-pubbliku jkun jista’ jivvota. 

Il-parteċipanti matul dawn il-ġimgħat iridu jagħmlu sfidi u jgħixu flimkien, xi drabi iżda jinħolqu ħafna kunflitti għax il-karattri mhux dejjem ikunu jaqblu ma’ xulxin. Nistgħu wkoll naraw xi relazzjonijiet li jiżvolġu u li jżidu l-interess. Huwa għalhekk programm li jqajjem diskussjoni, kritika u kurżità fost is-segwaċi, iżda anke fost ir-residenti nfushom li jinqatgħu kompletament mid-dinja ta’ barra. Il-logħba hija li l-aħħar wieħed li jibqa’ jirbaħ premju kbir.

F’Malta kellna l-ewwel Big Brother li qajjem interess kbir fost il-Maltin u kienu ħafna li kellhom il-karattri favoriti tagħhom u li bdew isegwu mill-bidu nett. Fost dawn il-parteċipanti li spiċċa r-rebbieħ magħżul minn fost is-segwaċi kien Jay, u li aħna kellna l-unur niltaqgħu miegħu u nistaqsuh ftit dwar din l-esperjenza.

Huwa dwar ir-rebħa tiegħu tal-ewwel staġun ta’ Big Brother qalilna li “l-ewwel ħsibijiet tiegħi fuq l-esperjenza huma li napprezza kull esperjenza li għaddejt minnha, nirringrazzja lill-produzzjoni tas-sapport li dejjem tawni. Għall-bidu kont ġejt interpretat ħażin, u ma ġejtx mifhum tajjeb ukoll, imma mbagħad bdejt inkun aktar jien aktar ma l-avventura bdiet tkompli.”

F’din l-esperjenza r-rebbieħ joħroġ b’ammont ta’ flus, u l-flus allokati f’dan l-ewwel staġun kienu ta’ ‘l fuq minn €40,000, u bla dubju wieħed jistaqsi u jibda jara kieku x’ser jagħmel b’dawn il-flus, u Jay qalilna li “jiena bil-ħsieb li nkompli ninvesti fin-negozju tiegħi, li jkolli l-ħanut tiegħi bħala barbier, u għalkemm għad m’hemm xejn ċert, għad irrid naħseb fuq kif l-aħjar li nista’ ninvesti, apparti li qed inkompli nġemma’ aktar flus biex inkun nista’ naħdem fuq dan l-investiment.”

Matul din l-avventura ta’ tliet xhur fejn wieħed ikollu jgħix mal-oħrajn, huwa naturali li tinġibed aktar lejn l-oħrajn u tqatta’ aktar ħin ma’ min tħossok l-aktar komdu u meta staqsejna ma’ min l-aktar kien jingwalaha Jay bħala kontestant, hu wieġeb li “l-aktar li kont naqbel kien ma’ Sean għax inħoss li kien jifhimni.”

Meta staqsejna wkoll dwar l-avventura sħiħa tiegħu mingħajr il-mobile jew li jkun ’il bogħod mill-familja tiegħu u anke mill-ħbieb huwa wieġeb li għalih ma kinitx daqshekk diffiċli għax hu jaħdem ħafna u għalhekk ma kienx jara lill-ħbieb u l-familja kuljum u wkoll li hu wieħed li ma tantx kien juża l-mobile, “iżda kont ukoll preparat ħafna mentalment li mhux ser nara l-familja għal żmien twil.”

Iżda li kieku jkollu jerġa’ jgħaddi minn din l-istess avventura kemm Jay huwa lest li jerġa’ jagħmilha, u hu wieġeb b’mod konvinċenti ħafna li li kieku jkollu l-opportunità li jibda mill-ġdid huwa “100% li nerġa’ nagħmilha għax naħseb li kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti, esperjenza li għenitni ħafna biex nikber fil-karattru, u iva kieku nerġa’ nagħmilha bla dubju.”

Aħna f’isem ħafna li kienu jsegwu lil Jay u xtaqu u vvutaw li hu jkun ir-rebbieħ, nifirħu lil Jay għar-rebħa tiegħu f’Big Brother! Hu wera determinazzjoni mill-bidu sal-aħħar f’din l-avventura u kien sabiħ li naraw lil Jay jikber bħala persuna u jkun vera hu nnifsu f’kull sitwazzjoni, u dan żgur li

mess il-qlub tal-pubbliku, għax fil-fatt kien intgħażel bħala r-rebbieħ ta’ dan l-ewwel staġun li kellu mijiet jekk mhux eluf ta’ telespettaturi.

Nawguraw aktar suċċessi f’dak kollu li ġej għar-rebbieħ Jay, għax nemmnu li dan huwa biss il-bidu ta’ kapitlu ġdid fil-ħajja tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport