Sunday, December 22, 2024

Bejn Lulju u Settembru ġew rappurtati 3,980 inċidenti tat-traffiku

Aqra wkoll

L-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku rappurtati matul it-tielet kwart ta’ din is-sena laħaq 3,980 li juru 25.7% inċidenti iktar mill-istess perijodu tas-sena l-oħra. Iż-żona tal-Port tat-Tramuntana rreġistrat l-aktar inċidenti b’1,347 każ  li jammontaw għal 33.8% tal-inċidenti kollha.

Ċifri publikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’dan il-perijodu, il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku żdiedu bi 38.7 fil-mija għal 430 fuq l-istess tliet xhur tas-sena 2020.

Persuni li ndarbu gravi ammontaw għal 78, u kienu jinvolvu f’38 sewwieq, 11-il passiġġier u 29 persuni li kienu jew mexjin jew ċiklisti. 

F’żewġ inċidenti, il-ġrieħi li sofrew sewwieq u mara li kienet miexja fit-triq kienu fatali. Madankollu, fit-tielet kwart ta’ din is-sena kien hemm żewġ imwiet inqas meta mqabbel mal-istess perijodu tas-sena li għaddiet.

Il-maġġoranza ta’ dawk li korrew gravi kienu rġiel. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tal-inċidenti (58.6%) kienu jinvolvu persuni ta’ eta’ bejn is-26 u 59 sena

Ekonomija

Sport