Monday, December 30, 2024

Bejn Nord u Sud

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Matul l-aħħar Kunsill Ewropew reġa’ ħareġ il-kuntrast… jew id-distanza jekk tippreferi… bejn in-nord tal-Unjoni Ewropea u s-sud. Min jinsab f’tal-ewwel iqis lilu nnifsu bħala bieżel u prudenti, waqt li jara lil tat-tieni bħala għażżenin u ħalja. Min jinsab f’tat-tieni jqis li qed ikollu jġorr wisq mill-piżijiet tal-għaqda Ewropea waqt li l-frott qed jaħsduh tal-ewwel li mifnija bir-regħba. 

Dawn il-karikaturi jixirqilhom jiġu ttratati biss bħala tali, mhux isiru parti mill-mod kif jitfissru l-għażliet politiċi quddiem l-Ewropej.

Hemm fatturi madankollu li huma minnhom u li jaħtu biex il-karikaturi jibqgħu ħajja. Hu minnu li fil-pajjiżi tas-sud it-tmexxija ekonomika ta’ spiss tħalliet laxka wisq. Hu minnu li r-regoli taż-żona tal-ewro u l-opportunitajiet li joffri s-suq wieħed Ewropew jaġevolaw l-aktar lin-nord. Hu minnu li minħabba li jinsabu fiż-żona tal-ewro u jridu jsegwu r-regoli tagħha, biex jilqgħu għall-problemi li jaffaċċjaw, tas-sud jistgħu biss iżidu l-piżijiet soċjali. Hu minnu li uħud fin-nord, bit-tassazzjoni li jiċċarġjaw fuq l-impriżi, qed jiġbdu lejhom profitti li jkunu saru minn kumpaniji fis-sud.

***

REGOLAZZJONI

Waħda mill-proċeduri li bihom titmexxa ekonomija moderna hi r-regolazzjoni (“regulation”). Jiġifieri li ssir sorvelja ta’ imġiba ekonomika u soċjali biex tassigura li din qed tosserva r-regoli maqbula u mħaddma (ġeneralment b’liġi) f’setturi konċernati. Tista’ tirrigwarda azjendi kummerċjali fil-bejgħ u xiri tagħhom, l-attivitajiet ta’ professjonisti, u aġenziji tal-gvern fit-twettiq tal-funzjonjiet tagħhom.

Il-kontroversji dwar kif għandha titħaddem ir-regolazzjoni ma jaqtgħux. Fost oħrajn: kif tista’ ssir aktar effettiva. U xinhu l-aħjar bħala mod kif titmexxa – minn xi awtorità statali imma “indipendenti” jew minn aġenti tal-istess settur li qed jiġi regolat.

Sa issa f’Malta l-esperjenza tar-regolazzjoni bħala għodda moderna ta’ governanza ma tantx kienet tajba, kemm b’awtorità statali nkarigata, kemm mod ieħor.

***

AWDITJAR

Għadna ma nqisux biżżejjed kif l-awditjar jista’ jgħin fit-titjib tal-ħidma li tkun qed tagħmel organizzazzjoni, speċjalment waħda publika.  Għal ħafna, l-awditur qiegħed hemm biex jispezzjona l-kotba finanzjarji u jiċċekkja li kollox intefaq tassew skont ir-regoli stabbiliti u għall-iskop li dwaru kellu jintefaq.

Bla dubju l-assigurazzjoni li toħroġ minn investigazzjoni bħal din hi meħtieġa u tal-aqwa interess.

Imma aktar importanti minn hekk u ta’ interess, hi l-funzjoni ta’ awditur meta jiġbed l-attenzjoni għal kif l-affarijiet waqt li jkunu qed isiru bl-aktar mod korrett, ma jkunux qed jagħtu l-aħjar riżultat.

Hu essenzjali li l-affarijiet isiru skont ir-regoli stabbiliti. Madankollu hu importanti wkoll li wieħed jiżgura li r-regoli qed jagħtu tassew ir-riżultati li għalihom iddaħħlu fis-seħħ.

Ekonomija

Sport