Saturday, December 21, 2024

Bejn Ottubru u Diċembru 2020 il-Pulizija twaqqaf mas-7,000 vettura; Fost oħrajn issib armi tan-nar u skieken

Aqra wkoll

Bejn Ottubru u Diċembru, 2020, waqt spezzjonijiet tat-traffiku mill-Pulizija tad-Distrett, tat-Traffiku, Rapid Intervention Unit (RIU), tal-Environmental Protection Unit (EPU), mis-sezzjoni tal-Klieb, kif ukoll tal-garaxx u anke assistiti mill-Forzi Armati – twaqqfu mas-7,000 vettura. 

Inħarġu mijiet ta’ kontravenzzjonijiet għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku, bl-iżjed komuni jkunu vetturi li ma kellhomx il-fanali jixegħlu kif suppost, vetturi mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni mwaħħlin skont il-liġi u xufiera ġew imħarrka għax ma kinux libsin iċ-ċintorin tas-sigurtà. 

Matul Ottubru saru mal-110 spezzjoni tat-traffiku. L-iktar kontravenzzjonijiet li nstabu kienu minħabba d-dawl, nuqqas ta’ ilbies taċ-ċintorin tas-sigurtà, fosthom tfal u anke minħabba li persuni nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, jew bil-liċenzja skaduta. Inħarġu wkoll ċitazzjonijiet fuq ħġieġ tinted, numru ta’ persuni aktar milli suppost f’vettura, kif ukoll twaqqfet taxi għax dawk ġo fiha ma kinux lebsin maskla. 

Matul dawn is-spezzjonijiet, għaxar persuni nstabu fil-pussess ta’ droga kannabis u crushers; waqt li żewġ sewwieqa nstabu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol wara li t-test tal-kampjun tan-nifs (breathalyser) ħareġ pożittiv u tlieta oħra rriffjutaw li jagħmlu t-test. F’vetturi oħra, il-pulizija sabet skieken, baseball bat u arma tan-nar. 

Matul Novembru saru mal-115-il spezzjoni tat-traffiku. 13-il persuna nqabdu fil-pussess tad-droga, kif ukoll 2 sewwieqa nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol u sewwieq ieħor irrifjuta li jagħmel t-test.  

Inħarġu akkużi kontra sewwieqa u passiġġieri li kienu mingħajr ċintorin tas-sigurtà, użu ta’ mowbajl waqt is-sewqan; kif ukoll twaqqfu vetturi bi ħġieġ tinted, nħarġu numru ta’ ċitazzjonijiet minħabba li persuni nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, jew bil-liċenzja skaduta. 

Waqt tfittxijiet li saru fil-vetturi, il-pulizija sabet ukoll persuna fil-pusses ta’ pepper spray u anke żewġ armi tan-nar. 

Il-ħidma kompliet ukoll kuljum f’Diċembru, b’madwar 150 spezzjoni. 14-il persuna nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkohol wara li sarilhom test tal-kampjun tan-nifs, waqt li minn tfittxijiet li saru f’numru ta’ vetturi, il-pulizija sabet sustanza allegatament droga, grinders u oġġetti relatati mal-użu tad-droga. 

Inħarġu akkużi kontra 13-il sewwieq li kienu qegħdin isuq b’veloċità eċċessiva, waqt li nħarġu ċitazzjonijiet għal kontravenzzjonijiet lil persuni mhux lebsin ċintorin tas-sigurtà, vetturi bi ħġieġ tinted, vetturi b’fanali ma jaħdmux tajjeb, persuni jsuqu mingħajr liċenzja, jew bil-liċenzja skaduta 

Il-Kummissarju tal-Pulizija saħaq li “dawn l-ispezzjonijiet se jkomplu jsiru matul il-jiem, ġimgħat u xhur li ġejjin. Il-Korp tal-Pulizija huwa kommess li pajjiżna jkun sikur f’kull aspett, inkluż li jassigura l-ordni u s-sigurtà fit-toroq tagħna f’kull ħin tal-ġurnata.”

Ekonomija

Sport