Thursday, December 26, 2024

Bejn Ottubru u Diċembru 2023 l-ekonomija Maltija kibret b’4.3%

Aqra wkoll

Skont stimi proviżorji li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, l-ekonomija Maltija kibret b’rata ta’ 4.3% f’termini reali.

Fir-rapport intqal ukoll li fir-raba’ kwart tas-sena, il-Prodott Domestiku Gross żdied b’€418.6 miljun u laħaq l-€4,900 miljun.

L-NSO tgħid li dan it-tkabbir kien dovut l-aktar għas-setturi tas-servizzi, tal-industrija u anke dak tal-biedja u s-sajd li kollha rreġistraw riżultati pożittivi għal dan it-tkabbir.

It-tkabbir ekonomiku fis-settur tas-servizzi kien ġej l-aktar għar-rati ta’ tkabbir fl-oqsma tal-attivitajiet ta’ servizzi amministrattivi u ta’ sostenn bi 22.9%, dawk ta’ servizz ta’ akkomodazzjoni u tal-ikel bi 15.3% u dawk finanzjarji u tal-assigurazzjoni b’6.7%.

Fir-rapport intqal ukoll li fl-istess perjodu n-nefqa fuq il-konsum finali kibret b’7.2% f’termini reali. Min-naħa l-oħra, il-formazzjoni tal-kapital gross naqset bi 30.4%, attribwit l-aktar għal investiment anqas fit-tagħmir tat-Trasport meta mqabbel mal-2022.

L-NSO jirraporta wkoll li dan it-tkabbir irrifletta ruħu b’żieda fil-pagi ta’ €138 miljun. Kien hemm żieda ta’ €266.3 miljun fi profitti tal-intraprizi u anke żieda ta’ €14.3 miljun fid-dħul mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni.

Ekonomija

Sport