Applikazzjonijiet għall-għotja għall-manutenzjoni tas-solar water heaters se jiftħu fid-9 ta’ Novembru 2026. Din l-għotja hija disponibbli għal dawk il-benefiċjarji li installaw sistema ta’ solar water heater u rċevew għotja taħt l-Iskema tas-Solar Water Heaters tal-2021, li kienet tnediet permezz tal-Avviż tal-Gvern Nru 539.
Skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskema, il-benefiċjarji eliġibbli jistgħu issa japplikaw għal għotja addizzjonali sa massimu ta’ €500 biex tkopri l-ispejjeż tal-manutenzjoni tas-sistema tagħhom. Sabiex jikkwalifikaw għal din l-għotja, iridu jkunu għaddew mill-inqas ħames snin mid-data li fiha rċevew il-ħlas tal-għotja oriġinali. Bħala parti mill-kriterji tal-iskema, l-applikanti jridu jippreżentaw irċevuta maħruġa mill-fornitur bħala prova tal-ispejjeż tal-manutenzjoni li jkunu saru.
Il-proċess tal-applikazzjoni huwa kompletament diġitali, u jippermetti lill-benefiċjarji jimlew il-formola online u jtellgħu d-dokumenti kollha meħtieġa direttament fuq il-pjattaforma. L-applikazzjonijiet kollha se jiġu evalwati skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Iskema tas-Solar Water Heaters tal-2021.
Aktar informazzjoni, inkluż aċċess għall-formola tal-applikazzjoni u l-kriterji kollha meħtieġa, se tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku tar-REWS (www.rews.org.mt) mid-9 ta’ Novembru 2026.
