Aktar kmieni ħarġet l-aħbar li sfortunatament kien tilef ħajtu Benjamin Laferla; iż-żagħżugħ involut f’inċident tat-traffiku s-Sibt li għadda. Kmieni dalgħodu ommu tellgħet ritratt sentimentali fuq il-profil tagħha li juri l-imħabba ta’ bejniethom sa minn snin ilu.
L-omm ehmżet biss il-kelmiet “jien u Ben fuq il-ferrovija”, iżda li hu żgur huwa li ma kien hemm bżonn l-ebda deskrizzjoni. Dan jikkonfermawh il-kummenti ta’ kondoljanzi li segwew.
AĠĠORNATA: Imut iż-żagħżugħ involut f’inċident fis-Swieqi s-Sibt li għadda
F’komunikat maħruġ minnha l-Pulizija kkonfermat li ż-żagħżugħ li kien involut f’inċident fis-Swieqi s-Sibt li għadda sfortunatament tilef ħajtu wara jiem fit-Taqsima tal-kura intensiva.
Erba’ persuni ddaħħlu l-Isptar Mater Dei wara li s-Sibt li għadda għall-ħabta 1:30 a.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Madliena fis-Swieqi.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li tfajla ta’ 17-il sena minn San Pawl il-Baħar tilfet il-kontroll tal-karozza Renault Zoe li kienet qiegħda ssuq u baqgħet dieħla fil-ħajt.
Magħha kien hemm rekbin żagħżugħ ta’ 21 sena residenti n-Naxxar, Żvizzeru ta’ 20 sena residenti s-Swieqi u tfajla miċ-Ċili ta’ 19-il sena residenti San Ġiljan.
Fil-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel assistenza u ambulanzi li ħadu lill-erba’ persuni lejn l-Isptar. Aktar tard iż-żagħżugħ ta’ 21 sena ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li ħatret esperti biex jgħinuha fl-inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.