Sunday, December 22, 2024

Benzema jinstab ħati ta’ rikatt ta’ filmat sesswali u jingħata sentenza sospiża u multa

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Real Madrid Karim Benzema instab ħati li rrikatta lill-eks kollega tiegħu Mathieu Valbuena b’filmat sesswali li kien heżheż il-football Franċiż.

L-attakkant ingħata sentenza sospiża ta’ sena u multa ta’ €75,000 meta deher quddiem il-qorti nhar l-Erbgħa f’sentenza aktar ħarxa minn dik mitluba mill-prosekuturi.

L-internazzjonali ta’ Franza kien wieħed minn ħames persuni akkużati f’Versailles dwar l-allegat attentat ta’ estorsjoni fl-2015 fuq filmat sesswalment espliċitu li nsteraq mit-telefon ta’ Valbuena.

Benzema sostna li kien qed jipprova jgħin lil sieħbu biss meta avviċinah dwar dan il-filmat fiċ-ċentru tat-taħriġ tat-tim Franċiż, f’Ottubru 2015, u qallu li jista’ jgħin biex isib lil xi ħadd biex ‘jimmaniġġja’ l-kwistjoni tal-filmat.

Meta l-ġuri ntemm ix-xahar li għadda l-prosekuturi kienu talbu lil Benzema, li ma kienx preżenti waqt il-proċeduri tal-Qorti, jingħata sentenza sospiża ta’ 10 xhur u multa ta’ €75,000.

Il-piena massima li l-eks attakkant ta’ Lyon seta’ rċieva kienet ħames snin ħabs u multa ta’ €90,000.

L-avukat ta’ Benzema qal li l-plejer kien se jappella kontra l-verdett ta’ 74 paġna.

Waqt li kien qed jitkellem mal-ġurnalisti fil-qorti, wieħed mill-avukati tiegħu, Sylvain Cormier, qal li ‘stagħġeb’ bis-sentenza li sejjaħ ‘ħarxa ħafna, inġusta u bla bażi’.

L-imħallef kien qal: “Benzema ma kienx konxju tal-manuvri preċiżi iżda l-kontenut tat-taħdita tiegħu f’Clairfontaine ma’ Valbuena juri li kien involut personalment.

“Il-Qorti ddeċidiet li huwa kien ‘implika lilu nnifsu personalment, permezz ta’  gideb, biex jikkonvinċi lil sieħbu biex jissottometti ruħu għar-rikatt.”

Huwa żied jgħid li ma wera ‘l-ebda qalb tajba lejn Valbuena’, kif kien sostna, ‘biss il-kuntrarju’.

Benzema, li kien ċaħad kull att ħażin, ma kienx fil-qorti tul il-proċeduri.

Ekonomija

Sport