Wednesday, April 24, 2024

Antiċipat bejgħ b’saħħtu waqt il-Black Friday

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

In-negozji, speċjalment dawk żgħar u medji, qed jantiċipaw bejgħ b’saħħtu fi tmiem il-ġimgħa li ġejja li jibda proprju bil-Black Friday. Dan hekk kif in-negozji kkonkorrew sew għal din l-attività bl-offerti tagħhom u l-kampanji li qegħdin isiru mistennija jsarrfu f’suċċess.

Dan qalitu l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Mamo f’kummenti li tat lil L-Orizzont dwar is-sentiment li hemm fost in-negozji bħalissa, ftit jiem qabel ma jkun hemm ir-roħs mistenni minn ħafna f’bosta prodotti. 

Mamo bdiet billi qalet li s-sentiment fost in-negozji huwa wieħed pożittiv ħafna fejn il-livell ta’ konsum irkupra b’mod mgħaġġel din is-sena u għaldaqstant l-aspettattivi huma li l-Black Friday se tkun ħafna aħjar mis-sena l-oħra u viċin, jekk mhux daqs l-2019. 

Dan il-ġurnal staqsieha wkoll x’impatt tista’ tħalli s-sitwazzjoni tal-pandemija kif inhi llum fuq in-negozji, l-iktar fejn tidħol il-konkorrenza tan-nies. 

Mamo qalet li n-nies iktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jagħtu kas in-numru ta’ każijiet l-isptar u li l-boosters tal-vaċċin diġà bdew jitqassmu u jinstabu fi stadju avvanzat.

“Għaldaqstant naħsbu li dan se jkompli jissalvagawdja milli l-każijiet ikunu ta’ natura serja. Huwa fatt li rridu nsibu mod kif ngħixu mal-pandemija u dak li qegħdin nagħmlu bħalissa. Madanakollu rridu naraw li anke l-każijiet jibqgħu taħt kontroll.

“Sa issa ma narawx li se jkun hemm effett però hi ħaġa tajba li l-offerti ta’ Black Friday ħafna drabi qed isiru fuq ammont ta’ ġranet u hemm anke faċilitajiet biex wieħed jixtri online. Dan ifisser li x-xiri mil-lokal jista’ jsir għall-kumdità ta’ dak li jkun,” tenniet il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs.

Sadanittant, L-Orizzont ħa l-kummenti ta’ Emma Sullivan, General Manager tar-Retail tal-kumpanija Miller Distributors Ltd. li qaltilna li huma bdew bl-offerti fil-ħwienet tagħhom minn nhar it-Tnejn li għadda u dawn se jkomplu sal-Ħadd li ġej.

Sullivan qalet li l-bejgħ tas-sena l-oħra waqt il-Black Friday kien wieħed pożittiv minkejja l-pandemija u din is-sena qed jantiċipaw li jkollhom l-istess suċċess. 

Dan il-ġurnal tkellem ukoll ma’ Dino Fino li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Dino Fino Home + Contract li qalilna li l-ħsieb tagħhom, anke minħabba l-fatt li jbigħu prodotti daqsxejn kbar u ta’ valur kbir, kien li minflok ma jikkonċentraw biss fuq ġurnata waħda jagħmlu l-istess kunċett imma jkun mifrux fuq xahar. 

B’hekk il-’Black Month’ beda mill-1 ta’ Novembru u se jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ Novembru, bil-qofol tiegħu mistenni jintlaħaq fi tmiem il-ġimgħa li ġej f’dak li ġie msejjaħ bħala l-‘Black Weekend’ fejn minn nhar il-Ġimgħa sal-Ħadd se jkunu miftuħin mill-10.00 a.m. sas-7.00 p.m.

Mistoqsi dwar il-konkorrenza tan-nies, Fino qal li din hija waħda tajba minkejja l-fatt li rrikonoxxa li fl-isfond tal-każijiet tal-Covid-19 li qed jiżdiedu hemm xi nies li qed jibżgħu u b’hekk qed isaqsu biex ikollhom il-laqgħat online minflok ma jmorru b’mod fiżiku ġewwa x-showroom. Għal dan il-fatt, Fino fisser li kienu proattivi u preparati għal din l-eventwalità u b’hekk il-ħidma tagħhom xorta waħda setgħet tkompli għaddejja. 

Jidher ukoll li din is-sena mistennija tkun waħda pożittiva hekk kif mistoqsi dwar il-prospetti tagħhom, Fino qal li qed jistennew li din is-sena tkun aħjar mis-sena l-oħra.

Sport