Wednesday, December 25, 2024

Bernard Grech determinat li jiftaħ il-każini magħluqin biex l-assi tal-partit iħallu l-introjtu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’intervista li saitlu waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-partit Bernard Grech qal li hija esperjenza sabiħa li ngħata appoġġ b’saħħtu. 

Grech qal li jħossu privileġġat li jmexxi dan il-partit u jħares ’il quddiem biex iwettaq dak li hemm bżonn li jsir.

“Bid-deċiżjonijiet li qed nieħu u anke bid-deċiżjonijiet li se nkompli nieħu se nerġa’ nġib lil dan il-partit aktar b’saħħtu”, kompla biex jgħid Grech filwaqt li saħaq li se jkun qiegħed jara li f’14-il xahar il-media link tibda topera mingħajr telf. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-assi tal-partit tiġi utilizzata bl-aħjar mod possibbli. Rigward il-każini magħluqin, Grech qal li se jkun qiegħed jara li dawn jinfetħu biex jagħtu servizz lill-partitarji filwaqt li jħallu introjtu.

Rigward l-elezzjoni tal-Viċi Kap, Grech qal li hu għandu messaġġ wieħed li l-bieb jinsab miftuħ għal kulħadd biex jgħinu biex jibni. Il-Kap tal-partit qal li determinat u fiduċjuż li b’ħidma li tibni u mhux tħott, jista’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista biex tkun tista’ toffri Oppożizzjoni b’saħħitha. Hawnhekk għal darba oħra Grech kien qiegħed isaħħaħ il-messaġġ tiegħu kontra individwi fil-partit stess li fl-aħħar xhur għażlu li jippruvaw ixekkluh fit-tmexxija tiegħu.

Rigward il-problema tal-għoli tal-ħajja, Bernard Grech qal li l-Prim Ministru jrid ixammar il-kmiem għax il-gwerra tal-Ukrajna hija biss parti minn din il-problema li ilha ġejja. 

Rigward l-arrest ta’ Josif Galea, Grech qal li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhumiex qed jagħmlu xogħolhom. Qal li kellhom ikunu Pulizija ta’ pajjiż ieħor li jarrestaw lil Galea għax il-pulizija ta’ pajjiżna “naqset lill-poplu Malti”.

Fl-appell aħħari tiegħu, Bernard Grech appella lill-pubbliku biex jingħaqad miegħu fil-familja tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li d-donazzjonijiet tan-nies huma l-mutur li jagħti lilu u lit-tim tiegħu l-kuraġġ biex ikompli jġedded il-Partit Nazzjonalista.

Ekonomija

Sport