Saturday, May 4, 2024

Bernard Grech iċempel lil Azzopardi biex jawguralu minnufih… determinat li jara l-PN fil-gvern

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kandidati eletti fl-elezzjonijiet każwali tal-Partit Nazzjonalista juru li għal darba oħra l-elettorat għażel li jwarrab il-politika tal-mibegħda u dan hekk kif ħames kandidati minn fost is-sebgħa eletti huma uċuħ ġodda fil-parlament. Fost l-aktar mumenti li spikkaw waqt dawn l-elezzjonijiet kien dak li fih tħabbar li Charles Azzopardi kien ġie elett fuq is-seba’ distrett. Ftit sekondi biss wara din l-aħbar, l-istess Azzopardi rċieva telefonata mingħand il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li awguralu personalment. 

Dan is-sit tkellem ma’ Azzopardi ftit mumenti wara. Huwa kkonferma magħna li Bernard Grech kien ċempillu minnufih biex jawguralu u żied jgħid li għalih dik it-telefonata kienet tfisser ħafna u li tagħtih l-kuraġġ biex ixammar il-kmiem biex tibda l-ħidma tiegħu. 

“Inkitbet storja ta’ persuna li ħadem biex dejjem ikun viċin in-nies”. Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-kandidat Nazzjonalista Charles Azzopardi wara li lbieraħ kien elett fuq is-seba’ distrett elettorali.

Azzopardi qalilna li kien l-ewwel Sindku Laburista fil-lokalità tar-Rabat u anke kkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2017 mal-Partit Laburista. Minkejja dan, fl-aħħar elezzjoni għażel li jikkontesta mal-Partit Nazzjonalista għax emmen f’dak li hu sewwa. “Ma ddejjaqtx, ma bżajtx u kont minn ta’ quddiem biex inservi lil pajjiżi”, kompla Azzopardi.

Huwa qal li mhux bilfors li sservi lil pajjiżek fil-mument tal-glorja, iżda tagħmel dan f’kull żmien għax pajjiżek jibqa’ pajjiżek. 

Azzopardi qal li determinat li jibqa’ jaħdem fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u jaċċetta dak li jafdalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Temm jgħid b’fiduċja li b’ħidma favur is-sewwa, il-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ jkun il-partit fil-gvern.

Sport