Hekk kif ninsabu ġimgħa biss bogħod mill-festi tal-Milied, fl-aħħar messaġġ politiku tiegħu għal din is-sena, il-Kap tal-Oppożizzjoni u mexxej tal-Partit Nazzjonalista kompla jattakka lill-istituzzjoni tal-pajjiż għax skont hu mhux qegħdin jagħmlu dak li jrid hu.
F’kollegament telefoniku fuq NetFM li dam għaddej ftit minuti biss, Bernard Grech qal li nhar it-Tlieta kellhom jagħmlu talba lill-Qorti – liema kawża ġiet miċħuda – minħabba li l-avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u anke l-Kummissarju tal-Pulizija ma jridux jieħdu azzjoni biex jinġiebu l-400 miljun ewro lura.
Bernard Grech baqa’ jinsisti li l-400 miljun ewro ġew misruqa lill-poplu Malti. Hu naqas isemmi li parti sew minn dawk il-miljuni marru biex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema li hemm fl-istess sptarijiet apparti investimenti oħrajn fil-qasam tas-saħħa.
Mistoqsi dwar l-allegat ġurament falz li ħa f’din il-kawża il-kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru qiegħed juża l-istituzzjonijiet tal-pajjiż biex jitfa’ lilu u lil sħabu l-ħabs. Sostna li Robert Abela qed jikkontrolla kollox, iżda li hu mhux se jagħlaq ħalqu.